Fl-2024, il-Prodott Gross Domestiku f’pajjiżna laħħaq id-dsatax punt tnejn biljun ewro (€19.2 biljun). Dan ifisser tkabbir ta’ 6% fuq l-2023.
Minbarra hekk il-livell ta’ investiment kien ta’ €3.6 biljun, kważi nofs biljun ewro aktar minn qabel il-pandemija. Dan meta fil-kriżi tal-2009, l-investiment kien naqas u dam ħafna snin biex reġa’ ġie kif kien, minħabba miżuri ta’ awsterità mħaddna minn Gvern Nazzjonalista.
Bil-maqlub, il-Gvern Laburista preżenti fi żmien ta’ prova serva ta’ tarka għall-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna u għad-domanda domestika.
Fil-fatt meta f’pajjiżna ġie rreġistrat tkabbir ta’ 6%, fil-bqija tal-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ inqas minn 1%, għaldaqstant Malta rat tkabbir ekonomiku ta’ kważi seba’ darbiet iktar mill-medja Ewropea.
Is-sena l-oħra, pereżempju, l-ekonomija Ġermaniża naqset, l-istess kif għamlu dawk tal-Awstrija, il-Latvija u l-Estonja.
Ta’ min ifakkar li l-istituzzjonijiet internazzjonali, bħall-IMF u l-Kummissjoni Ewropea, kienu qed ibassru li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber b’madwar 5%, li jfisser li għal darb’oħra t-tkabbir kien ferm aħjar minn dak li bassru l-esperti barranin.
Dwar dan ikkummenta wkoll il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħamis filgħodu fuq il-pjattaforma X fejn tenna li s-suċċessi li bena pajjiżna fl-aħħar snin se jkompli jixpruna ħidma għal aktar prosperità fis-soċjetà tagħna.
Sadanittant, mill-istatistika uffiċjali jirriżulta li l-konsum privat kompla jkun il-fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku fl-2024. Fil-fatt ftit inqas min-nofs it-tkabbir ekonomiku kien dovut għal konsum akbar mill-familji.
Dan kien jirrifletti l-fatt li kien irreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema li qatt ġie osservat fl-istorja, fejn id-dħul tal-ħaddiema laħaq iċ-ċifra rekord ta’ €9.3 biljun. Dan kien kważi biljun ewro akbar mill-ammont ta’ dħul osservat is-sena ta’ qabel, żieda ta’ 11%.
Fl-istess ħin, it-turiżmu wkoll laħaq livelli rekord, waqt li setturi diġitali komplew jespandu b’rata qawwija.
Kważi terz tat-tkabbir li seħħ imqabbel mal-2023 kien ġej mis-servizzi professjonali u amministrattivi, is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
Ma’ dan, 13% tat-tkabbir kien iġġenerat mill-manifattura, kompletament differenti minn dak li kien jiġri sal-2013, fejn il-Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kien jilgħab l-imħatri li din l-industrija kienet se tispiċċa minn fostna.