Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 9%.
B’dan ikun l-akbar tkabbir ekonomiku fost is-sebgħa u għoxrin Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
F’perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija, il-ġid nazzjonali laħaq aktar minn erba’ biljun u mitt miljun ewro (€4.1 biljun).
F’din l-istatistika ħareġ li kien hemm żieda ta’ iżjed minn ħames mija u sitta u għoxrin miljun ewro, jew żieda ta’ kważi ħmistax fil-mija, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
F’dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll kif il-ġid nazzjonali f’dan it-tieni kwart tas-sena jisboq dak ta’ bejn April u Ġunju tal-2019 – is-sena ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan hekk kif meta mqabbel ma’ April u Ġunju tal-elfejn u dsatax, kien hemm żieda ta’ aktar min-nofs biljun ewro fil-ġid nazzjonali.
F’dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ kif fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kompliet tikber mid-daqqa tal-pandemija u anki fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.
Intant, b’reazzjoni għal dan, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif f’dan il-perjodu, pajjiżna kellu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u aktar mid-doppju tal-medja Ewropea.