Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-attività ekonomika kienet 4.6% akbar minn dik irreġistrata sena qabel. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Ir-rata b’saħħitha ta’ pajjiżna, skont dawn iċ-ċifri, hi ferm akbar mill-medja tat-tkabbir fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li fl-ewwel kwart kienet ta’ 0.4%.
B’dan ifisser li l-ekonomija Maltija kibret bi tnax-il darba r-rata ta’ tkabbir ekonomiku tal-medja tal-Unjoni Ewropea.
Skont dawn iċ-ċifri tal-NSO, ħareġ kif nofs it-tkabbir li seħħ, imqabbel mal-ewwel kwart tas-sena l-oħra, kien ġej mis-servizzi professjonali u amministrattivi, is-servizzi finanzjarji, ir-remote gaming u s-settur tal-informazzjoni u komunikazzjoni, u l-intelliġenza artifiċjali, fost oħrajn.
Dan juri kemm qed jiżdiedu s-setturi diġitali tal-ekonomija tagħna u kemm it-tkabbir ġej minn setturi b’impjiegi ta’ kwalità.
Minbarra hekk, b’kuntrast għal li kien jiġri fi żmien Gvern Nazzjonalista, għaxra fil-mija tat-tkabbir kien iġġenerat mill-manifattura.
Kien hemm kontribut qawwi ħafna mis-settur tal-lukandi u r-restoranti, frott is-saħħa tas-settur turistiku u anke fis-settur tal-ħwienet, fejn id-domanda domestika baqgħet qawwija mhux bħalma ġara f’pajjiżi madwarna fejn il-familji ntlaqtu ħażin minn politika ta’ awsterità.
L-ixprun tat-tkabbir ekonomiku kompla jkun il-konsum privat. Fil-fatt aktar minn terz tat-tkabbir ekonomiku kien dovut għal konsum akbar mill-familji.
Dan kien jirrifletti l-fatt li kien irreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema li qatt ġie osservat fl-istorja, b’figura rekord ta’ aktar minn żewġ biljun ewro. Dan kien kważi mitejn miljun ewro aktar mill-ammont ta’ dħul għall-ħaddiema, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
B’rabta ma’ din l-aħbar irreaġixxa wkoll il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali fejn innota kif, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kibret bi tnax-il darba aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
In the first quarter of the year, the Maltese economy grew at a rate that was twelve times the EU average. Once again we topped the rankings, with most of growth coming from digital sectors such as IT, remote gaming and professional services. Towards a new prosperity! – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 29, 2024
Il-Prim Ministru sostna kif, għal darb’oħra, pajjiżna jinsab fil-quċċata, bit-tkabbir ġej mis-setturi diġitali. “B’dan se jwassalna għall-prosperità l-ġdida”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.