Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-prospetti tal-ekonomija Maltija bejn l-2020 u l-2022 juri xenarju prinċipali fejn pajjiżna mistenni jirkupra sew is-sena d-dieħla u ta’ wara, fl-isfond ta’ daqqa ekonomika minħabba l-pandemija li ħadet id-dinja kollha.
Ix-xenarju prinċipali tal-Bank Ċentrali juri li f’sitwazzjoni ta’ miżuri effettivi, il-prodott domestiku gross mistenni li jonqos b’4.8% għal din is-sena iżda imbagħad jiżdied b’5.8% is-sena d-dieħla u b’4.2% fl-2022.
Il-prodott domestiku gross li jfisser it-total ta’ produzzjoni f’ekonomija jilgħab fattur importanti fit-tkabbir ekonomiku u dan ifisser li sas-sena d-dieħla, skont il-Bank Ċentrali, Malta se tesperjenza tkabbir ekonomiku.
Dan huwa konformi ma’ dak li qal il-Fond Monetarju Internazzjonali li f’April innota kif Malta se tieħu l-inqas daqqa ekonomika fl-Ewropa.
F’rapport dettaljat, il-Fond Monetarju Internazzjonali kien qal li pajjiżna se jieħu biss kważi terz tad-daqqa ekonomika li se ssofri l-bqija tal-Ewropa.
Il-Bank Ċentrali spjega li l-akbar kontributur għat-tnaqqis fil-prodott domestiku gross għal din is-sena hija l-esportazzjoni netta minħabba anki dak li qed jiġri madwar id-dinja u anki r-restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar li rajna, speċjalment fl-ewwel nofs ta’ din is-sena.
Filwaqt li l-bank isemmi l-qgħad, jgħid li l-miżuri fiskali tal-Gvern mistennija jgħinu s-suq tax-xogħol u għalhekk it-telf mistenni fl-impjiegi se jkun pjuttist moderat meta mqabbel mat-tnaqqis previst fil-prodott domestiku gross.
Il-bank isostni wkoll li s-suq tax-xogħol mistenni li jirkupra fis-snin ta’ wara minħabba titjib previst fl-attività ekonomika.
Dwar il-finanzi pubbliċi tal-Gvern, id-defiċit mistenni jitla’ ftit anki minħabba l-miżuri relatati mal-imxija, fejn il-Gvern ħareġ miljuni ta’ ewro biex jgħin lin-negozji u jsalva mal-mitt elf post tax-xogħol.
Il-prospetti ekonomiċi maħruġa mill-Bank Ċentrali imbagħad jgħidu li fis-sentejn li ġejjin id-defiċit se jkompli jonqos filwaqt li d-dejn tal-Gvern imqabbel mal-prodott domestiku gross mistenni jitla’ għal 55% fl-2022.
Dan ifisser li xorta huwa kważi 13% inqas mill-2012.