Is-settur tal-logħob diġitali f’Malta għadu relattivament ġdid, huwa niċċa oħra fejn l-ekonomija Maltija qed tiddiversifika tant li l-Gvern se jkun qed iħabbar strateġija b’rabta ma’ dan is-settur fil-jiem li ġej bil-pjan li fi żmien għaxar snin dan is-settur jikber minn 0.1 fil mija tal-prodott domestiku gross għal 1 fil-mija. Bħalissa hawn 15-il kumpanija topera f’dan is-settur li jħaddmu 200 ħaddiem, iżda bl-istrateġija li għandu fil-pjanijiet tiegħu l-Gvern, il-ħaddiema jitilgħu għal 2500, jiġifieri żieda ta’ aktar minn 100 fil-mija.
Dan qalu s-Segretarju parlamentari għal Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri, waqt iż-żjara tiegħu f’wahda mill-kumpaniji tal-logħob diġitali, Exient. Exient li timpjega 21 ħaddiem magħha, toħloq logħob diġitali fuq kull pjattaforma bħal gaming consoles u anke mobiles; fosthom il-logħba tal-F1, Angry birds u Lemmings.
Il-Kap Eżekuttiv, Dave hawkins, qal kif il-kumpanija għażlet lill-Malta wkoll għaliex toffri postijiet li jispiraw il-kreattività, filwaqt li Exient qed taħdem b’kooperazzjoni ma’ kumpaniji kbar bħall Sony kif ukoll kumpaniji tal-Igaming.