Il-Bank Ċentrali ta’ Malta rreveda t-tbassir tiegħu għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali, għal dak ta’ sebgħa fil-mija, filwaqt li qed jiġi prevvist li fit-tliet snin li ġejjin, it-tkabbir se jkun ta’ aktar minn tlieta punt ħamsa fil-mija.
Din ir-reviżjoni ġiet wara li kien tbassar li l-ekonomija Maltija se tikber b’ħamsa fil-mija, minkejja l-isfidi internazzjonali ekonomiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi Ewropej
Dan filwaqt li l-istess Bank Ċentrali qed ibassar li numru kbir ta’ affarjiet essenzjali, mhux se jesperjenzaw żidiet fil-prezzijiet fiż-żmien li ġej, liema sitwazzjoni hija opposta għal għadd ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Din is-sena, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna qabeż dak prevvist, hekk kif fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija ħadet spinta, speċjalment bl-irkupru tas-settur turistiku, u anke azjendi fl-oqsma diġitali, li qed jikbru b’rata qawwija.
Dan it-tbassir mill-Bank Ċentrali ġie wara ieħor mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li b’mod simili, wera futur ottimist għall-ekonomija Maltija fiż-żmien li ġej filwaqt li ġie nnutat kif l-irkupru tal-ekonomija Maltija wara l-pandemija kien wieħed b’saħħtu ħafna.
Skont l-esperti fil-Bank Ċentrali, il-politika tal-gvern b’rabta mas-sussidji tal-enerġija kienu fattur kruċjali għal dawn ir-riżultati tajbin, hekk kif is-sussidji qed iżommu l-inflazzjoni lokali taħt kontroll, filwaqt li joħolqu element ta’ kompetittivitá fi ħdan is-settur privat.
Fattur ieħor wara dan it-tkabbir jorbot mal-fatt li matul il-pandemija, il-familji Maltin u Għawdxin akkumulaw kważi biljun ewro u nofs iktar fi tfaddil, u għalhekk, minkejja l-inflazzjoni, huma f’pożizzjoni li jonfqu parti minn dak li fadlu. Dwar l-inflazzjoni, il-Bank Ċentrali qed ibassar li din mistennija tibqa’ tonqos, tant li diġá hemm sinjali li ż-żieda li kien hemm f’ċerti prodotti u servizzi bdiet tmajna.
Dan b’kuntrast tas-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea, fejn qed jiġi mbassar li aktar minn disgħin fil-mija tal-prodotti se jkunu suġġetti għall-inflazzjoni.
Iż-żieda fid-domanda tal-familji Maltin u Għawdxin hija indikattiva li l-impjiegi se jkomplu jikbru, u b’hekk ikompli jonqos il-qgħad.
Rigward id-defeċit tal-gvern, dan mistenni jonqos għal tlieta fil-mija tal-prodott gross domestiku, filwaqt li d-dejn nazzjonali mistenna jibqa’ wieħed stabbli taħt is-sittin fil-mija tal-prodott gross domestiku.
Intant, ir-rapport tal-IMF aktar kmieni din il-ġimgħa kkonfermat il-pożizzjoni b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, fejn bassru li din is-sena, l-ekonomija se tkun kibret b’6.5%.
Ir-rapport jinnota ż-żieda qawwija fir-riżorsi allokati lill-istituzzjonijiet regolatorji kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-regolamenti. Dan filwaqt li nnutaw kif fl-aħħar sentejn l-awtoritajiet wasslu għal progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż.
Ir-rapport jilqa’ wkoll il-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna iwettaq it-trasformazzjoni ambjentali u diġitali fis-snin li ġejjin, speċjalment il-pjan ta’ rkupru u resiljenza.