Minkejja xi ċaqliq fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea minħabba kwsitjonijiet bħal Brexit u l-isfidi ekonomiċi fil-Ġermanja, l-ekonomija Maltija se terġa’ tagħmel qabża ‘l quddiem fit-tkabbir ekonomiku tagħha din is-sena. Dan għaliex l-ekonomija Maltija qed jirnexxielha tattira l-investiment.
Il-konsulent Ekonomiku, Robert Borg qal dan bħala reazzjoni għall-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea bassret tkabbir ekonomiku ta’ bejn il-ħamsa punt tnejn fil-mija u s-sitta punt tnejn fil-mija. Kważi tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Dan minkejja li kwistjonijiet bħal Brexit, it-tensjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, u r-riċessjoni fl-Italja fost l-oħrajn kapaċi jkollhom impatt negattiv fuq l-ekonomija Ewropea anke fil-futur.
Robert Borg, Konsulent ekonomiku qal: “L-ekonomija Maltija qed jirnexxiela tattira l-investiment. Ifisser li l-fiduċja fl-ekonomija u fil-politika tal-gvern qed jaħdmu. L-akbar impatt fuq it-tkabbir, u li se jassigura li t-tkabbir jibqa’ sostnut, huwa li l-investiment baqa’ sostnut. Qed jikkrea ħafna xogħol, qed jiġu ħaddiema barranin għaliex hawn investiment u hawn id-domanda għalihom. Dan ifisser li qed ikollna aktar flus jimxu fl-ekonomija Maltija.
Ma’ One News ukoll, il-Kap Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta, Simon Zammit spjega li t-tkabbir ekonomiku huwa frott id-domanda fil-konsum domestiku u fl-investiment, u li l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li anke fis-snin li ġejjin, Malta se tara tkabbir sostanzjali fil-konsum domestiku, l-infiq Kapitali, u tkabbir ta’ setturi bħall-infrastruttura u t-turiżmu.
U minn dan it-tkabbir ekonomiku, għandu jgawdi l-ħaddiem ukoll.
Simon Zammit il-kap Eżekuttiv tal-Bor’a ta’ Malta qal: “Li tikber l-ekonomija jikber ukoll il-Prodott Gross Domestiku. Ifisser aktar attività ekonomika li ġejja mill-parteċipazzjoni tal-ħaddiem u l-konsumatur. Kwalunkwe tkabbir fl-ekonomija jfisser tkabbir fl-attività tal-konsumatur”.
Għas-settur tas-suq kapitali, it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta jfisser li hemm aktar flus biex kumpaniji ġodda u anke eżistenti jkomplu jinvestu f’proġetti differenti.
Iżda frażi fir-rapport li spikkat għall-konsulent Ekonomiku Robert Borg kienet il-kelma dinamika, li l-Kummissjoni Ewropea użat biex tiddeskrivi l-ekonomija tal-iżgħar Stat Membru Ewropew.
Robert Borg, Konsulent Ekonomiku qal: “Bil-kontra għal li ġara f’ekonomiji Ewropej, l-ekonomija Maltija ġiet riveduta l-fuq. Fl-2019 se nlaħħqu 6.2%, erba’ darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Iżda t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea ma kienx l-unika aħbar tajba għal gżiritna din il-Ġimgħa”.
Simon Zammit qal li anke l-Borża ta’ Malta qed tbassar sena rekord fil-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji ġodda u eżistenti, anke jekk fis-snin li ġejjin kwistjonijiet internazzjonali jitfgħu pressjoni fuq it-tkabbir ekonomiku.
Huwa kompla billi qal : “L-ekonomija Maltija mhux tikber f’vaccuum. Qed topera fi swieq internazzjonali. Jista’ jkun hemm pressjonijiet internazzjonali li qed jiġru madwar l-ekonomija bħal Brexit li jista’ jkollha pressjoni fuq it-tkabbir kemm hu sostenibbli. Bla dubju, 5.2% mhux numru żgħir”.