Minkejja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista spiss issostni li l-ekonomija Maltija llum hi wisq dipendenti fuq is-settur tal-kostruzzjoni, tagħrif li joħroġ mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, juri li dan mhux il-każ. Anzi dan is-settur lokali llum għandu sehem ferm iżgħar milli kellu qabel, inkluż fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista.
Minbarra hekk, meta mqabbel mal-bqija tal-Ewropa, is-settur tal-kostruzzjoni Malti hu wkoll relattivament żgħir fl-ambitù tiegħu.
Minn dan it-tagħrif jirriżulta li, bejn l-2003 u l-2012, taħt l-aħħar amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, is-settur tal-kostruzzjoni kellu sehem medju ta’ 5.7% tal-valur miżjud. Matul dan il-perjodu, l-industrija tal-kostruzzjoni kienet tikkostitwixxi kważi 6% tal-valur miżjud tal-UE u 5.9% f’dak taż-Żona Ewro.
Dan jindika li l-importanza relattiva tal-kostruzzjoni fl-ekonomija ta’ Malta kienet simili għal dik fil-bqija tal-UE taħt Gvern Nazzjonalista. Bejn l-2013 u l-2022, iżda, is-sehem tal-industrija tal-kostruzzjoni fil-valur miżjud niżel għal 4.2%.
Ħafna setturi oħrajn, bħall-gaming, is-servizzi professjonali u s-settur tat-teknoloġija tal-informatika kibru b’pass ħafna aktar mgħaġġel mill-kostruzzjoni.
It-tnaqqis fl-importanza tal-kostruzzjoni nħass l-aktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa li ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika ta’ wara l-2008.
Meta mqabbel mal-medja tal-UE, l-importanza tal-kostruzzjoni f’Malta hi ħafna aktar moderata. Filwaqt li, fid-diċenju sal-2012, kellna sehem simili ħafna għall-medja Ewropea, issa sehem Malta hu kważi punt perċentwali inqas minn din il-medja.
L-informazzjoni tal-Eurostat tindika li, waqt li l-Iżvezja, l-Awstrija u d-Danimarka huma minn ta’ quddiem fi kwistjonijiet ambjentali, is-settur tal-kostruzzjoni tagħhom hu relattivament akbar minn dak f’Malta.