Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika l-ewwel ħarġa tar-rivista ta’ kull tliet xhur għas-sena 2018, li tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul it-tielet trimestru tal-2017.
Ir-rivista tippreżenta wkoll stħarriġ dwar l-investiment fin-negozju u l-finanzjament tal-investiment f’Malta. Artikli oħrajn janalizzaw l-impatt makro-ekonomiku tar-riformi strutturali fis-settur tal-enerġija, kif ukoll żviluppi fis-settur tal-manifattura.
L-ekonomija Maltija kompliet tikber b’ritmu b’saħħtu matul it-tielet trimestru tal-2017, bil-prodott domestiku gross (PDG) reali jitla’ b’7.2% fuq bażi annwali, kważi t-triplu tar-rata rreġistrata fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. It-tkabbir ekonomiku kien xprunat kemm mid-domanda domestika kif ukoll mill-esportazzjoni netta.
Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli, bl-impjiegi jkomplu jiżdiedu u r-rata tal-qgħad tinżel għall-iktar livell baxx ta’ 4.0%.
Wara d-data tal-għeluq tar-rivista ta’ kull tliet xhur, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jnaqqas ir-rata li biha jitmexxa x-xiri nett ta’ assi minn €60 biljun fix-xahar għal €30 biljun fix-xahar, b’effett minn Jannar 2018. Dan ix-xiri ser ikompli sal-aħħar ta’ Settembru 2018, jew lil hinn, jekk ikun meħtieġ.
Il-Kunsill żied li hu lest li jżid l-APP f’termini ta’ daqs u/jew tul ta’ żmien jekk il-prospetti jsiru inqas favorevoli, jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji jsiru inkonsistenti b’aktar progress lejn aġġustament sostnut fiddirezzjoni tal-inflazzjoni.
L-ewwel ħarġa tar-rivista ta’ kull tliet xhur għall-2018 tinsab fuq issit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, www.centralbankmalta.org.