Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena il-prodott domestiku gross, jiġifieri l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet fl-istess livell ta’ dik fl-2019 meta l-pandemija tal-Covid-19 kienet għadha ma laqtitx lid-dinja. Filfatt fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna kien ta’ €2,937 miljun filwaqt li fl-ewwel kwart tal-2019 dan kien ta’ €2,936 miljun.
Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-livelli fl-istess żminijiet tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni Ewropea, li rat tnaqqis ta’ 4.4%. Dan filwaqt li ż-żona ewro rat tnaqqis ta’ 5%.
Fost l-iktar pajjiżi li raw tnaqqis fl-ekonomija meta mqabbel mal-2019 hemm il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja u Spanja. Spanja filfatt rat tnaqqis ta’ 8.3%.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll kif bejn Jannar u April ta’ din is-sena l-ispiża rikurrenti tal-Gvern kienet ta’ 1,751.9 miljun ewro b’żieda ta’ madwar 260.7 miljun ewro fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. Fost r-raġunijiet wara din iż-żieda hemm in-nefqa fi programmi u inizjattivi relatati mal-iskemi ta’ assistenza waqt il-pandemija. Investiment fil-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ta’ madwar mija u disgħa u għoxrin miljun ewro.
Intant fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal li wara l-irkupru fis-settur tax-xogħol, issa qed nirkupraw ekonomikament fejn l-ekonomija Maltija laħqet il-livelli tal-ewwel kwart tal-2019.
Saħaq li wara li ssalvagwardjajna l-ekonomija, issa nistgħu nimxu ’l quddiem.