Fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, jiġifieri bejn Lulju u Settembru, pajjiżna kompla jirreġistra rata ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħitha fl-istess waqt li d-defiċit naqas. Dan joħroġ mill-ewwel rivista tal-Bank Ċentrali għal din is-sena li ttrattat dan il-perjodu.
Jirriżulta li l-Prodott Gross Domestiku f’dan il-perjodu kiber b’sebgħa punt wieħed fil-mija, wieħed punt tnejn fil-mija aktar mit-tkabbir li kien irreġistrat fit-tieni kwart tal-2023 meta mqabbel ma’ sena qabel.
Din iż-żieda fir-rata tat-tkabbir ekonomiku ġiet attribwita mill-esperti tal-Bank Ċentrali għat-tkabbir fl-esportazzjoni, b’mod partikolari mit-turiżmu. Dan filwaqt li d-domanda domestika wkoll baqgħet b’saħħitha hekk kif tirrifletti l-fatt li l-konsum tal-familji baqa’ qawwi.
Mill-analiżi tagħhom, l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jirriżultalhom li l-kundizzjonijiet tan-negozji huma aħjar mill-medja storika, u dan anke japplika għas-sentiment ekonomiku. Tant li, skont dan ir-rapport, l-użu tar-riżorsi produttivi tal-pajjiż huma aktar mil-livell normali.
Din ir-rivista tat ħarsa wkoll lejn is-suq tax-xogħol li wkoll kompla jirreġistra aħbarijiet pożittivi bejn Lulju u Settembru li għadda. Dan hekk kif ġie rreġistrat tkabbir fl-impjiegi ta’ kważi sitta fil-mija fuq sena qabel, ogħla mill-erbgħa punt disgħa fil-mija li rreġistra l-kwart ta’ qabel.
Dan filwaqt li s-suq tax-xogħol baqa’ wieħed stabbli fid-dawl li r-rata tal-qgħad baqgħet waħda kostanti bejn it-tieni u t-tielet kwart tas-sena li għaddiet u fl-inqas livelli storiċi.
Fil-fatt, ir-rata rreġistrata kienet ta’ tnejn punt ħamsa fil-mija, li hi l-inqas rata ta’ qgħad li qatt irreġistra pajjiżna.
Il-finanzi tal-Gvern, li wkoll ġew analizzati mill-esperti tal-Bank Ċentrali, juru li dawn komplew jissaħħu bi tnaqqis kemm fid-defiċit kif ukoll fid-dejn tal-Gvern.
Fil-fatt, id-defiċit naqas bi ftit inqas minn wieħed fil-mija għal tlieta punt erba’ fil-mija fit-tielet kwart tal-2023.
Fid-dawl li l-Gvern baqa’ jsostni lill-familji u jwieżen lin-negozji b’diversi miżuri, fosthom is-sussidji fl-prezzijiet tal-enerġija, id-dejn tal-Gvern xorta kompla jonqos anke jekk dan hu ferm inqas minn dak stipulat fl-obbligi li għandu pajjiżna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dawn jistipulaw li d-dejn nazzjonali m’għandux jiżboq is-sittin fil-mija.
F’pajjiżna fejn il-Gvern qed ikompli jissussidja bl-aktar mod lill-familji u n-negozji, bil-kontra ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħrajn fejn il-piżijiet qed iġorruhom il-popli, id-dejn nazzjonali esperjenza tnaqqis marġinali għal disgħa u erbgħin punt tlieta fil-mija.
Dawn iċ-ċifri jkomplu jikkonfermaw li l-istrateġija tal-Gvern fejn tidħol l-istabbiltà għall-familji u n-negozji, qed tħalli l-frott tagħha bi tkabbir eknomiku b’saħħtu u tnaqqis fil-pressjonijiet inflazzjonarji, ukoll bil-maqlub ta’ dak li qed jiġri fl-Ewropa.