Il-middle class f’pajjiżna kibret u ssaħħet, u l-prijoritajiet tan-nies saru l-ħin ta’ kwalità mal-familji, livell tas-servizz tal-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u ambjent aħjar.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, meta kien qed jindirizza l-konferenza nazzjonali, ‘L-Istat tan-Nazzjon’, organizzata mill-Uffiċċju tal-President.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-messaġġ li wassal il-poplu bir-riżultat tal-aħħar elezzjonijiet, fejn filwaqt li jagħraf u japprezza l-mixja ekonomija ta’ pajjiżna fl-aħħar snin, għadda messaġġ li, it-tkabbir ekonomiku, mingħajr kunsiderazzjoni b’saħħitha biżżejjed lejn prijoritajiet oħrajn, mhux biżżejjed.
Il-Prim Ministru qal li l-poplu qed jistenna pass aktar mgħaġġel biex iwettaq il-prijoritjajiet.
Dr Abela sostna li pajjiżna jrid jimxi minn kunċett ta’ tkabbir tal-ekonomija għal wieħed ta’ tisħiħ tal-ekonomija, kemm fit-titjib fil-karrieri u kemm għad-dħul tal-familji.
Il-Prim Ministru sostna li quddiem sfidi ġodda, pajjiżna se jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-poplu, f’setturi bħal dak finanzjarju, u anki r-riċerka u l-innovazzjoni.
F’għeluq id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna li l-ekonomija hija għodda importanti biex is-soċjetà tgħix bl-aħjar mod possibbli.