L-ekonomija Għawdxija kibret bi 13.4% matul l-2022. Din għalhekk immarkat it-tieni sena ta’ tkabbir b’żewġ ċifri għall-gżira Għawdxija.
Minkejja l-biża’ li l-pandemija se tagħti daqqa ta’ ħarta kbira lill-ekonomija Għawdxija, minħabba d-dipendenza kbira tagħha fuq it-turiżmu, statistika uffiċjali tindika li fl-2022 l-ekonomija Għawdxija kienet tammonta għal valur miżjud totali ta’ €713-il miljun.
B’hekk l-ekonomija kienet 16% ogħla mid-daqs tagħha ta’ qabel il-pandemija. Dan it-tkabbir iġġenera żieda ta’ aktar minn 1,900 impjieg fil-gżira Għawdxija. Dan jindika li filwaqt li t-tkabbir ekonomiku wassal għal ħafna aktar impjiegi, l-ammont ta’ valur miżjud prodott minn kull ħaddiem żdied ukoll, li jfisser xogħol b’livell ogħla ta’ produttività.
Il-biċċa l-kbira tal-espansjoni ekonomika kienet xprunata mill-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport u l-akkomodazzjoni u s-settur tar-ristoranti.
Wara x-xokk tal-pandemija, li kienet rat il-produzzjoni f’dawn is-setturi tonqos, issa għandna sitazzjoni mhux biss ta’ rkupru, iżda ta’ tkabbir fuq is-sitwazzjoni ta’ qabel il-pandemija.
Fl-istess ħin, is-settur tal-manifattura kompla jespandi u ġġenera aktar minn għaxra fil-mija taż-żieda fl-attività ekonomika.
Is-settur tal-manifattura f’Għawdex kiber ħafna f’dawn l-aħħar snin, tant li l-valur miżjud gross fl-2022 kien qrib iż-żewġ terzi ogħla minn dak li kien fl-2018. Din hija d-doppju tar-rata ta’ tkabbir osservata f’dan is-settur f’Malta.
L-istatistika turi li l-biċċa l-kbira tat-tkabbir ekonomiku f’Għawdex matul dawn l-aħħar snin ma kienx ġej mill-kostruzzjoni. Fil-fatt, kien hemm żieda sinifikanti fis-servizzi b’valur miżjud għoli.
Pereżempju, is-servizzi professjonali issa għandhom produzzjoni ta’ €80 miljun, meta erba’ snin biss qabel din kienet eqreb lejn il-€50 miljun. Bl-istess mod il-gaming kważi rdoppja għal €17-il miljun. Is-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni wkoll espanda bi kważi 10% għal kważi €25 miljun.