Skont l-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Reuters jidher li l-ekonomija taż-Żona Ewro daħlet f’riċessjoni. Dan wara li fit-tielet kwart tas-sena l-oħra kien hemm tnaqqis żgħir fl-ekonomija Ewropea u issa skont l-indikazzjonijiet huma li l-attività fl-aħħar kwart tas-sena wkoll kienet negattiva.
Raġuni ewlenija għal dan ir-riżultat kienu l-miżuri tal-awsterità, li ttieħdu f’diversi pajjiżi Ewropej, partikolarment iż-żieda fil-kontijiet tal-familji u fir-rati tal-imgħax li kissru lill-familji b’self fuq ir-residenzi tagħhom.
Dan kompletament bil-maqlub f’Malta fejn l-attività baqgħet tiġi sostnuta, grazzi għall-protezzjoni lill-familji u n-negozji miż-żidiet fil-kriżi tal-enerġija permezz tas-sussidji mill-Gvern ta’ Robert Abela. Fosthom b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin miljun ewro (€350 miljun) biex jilqa’ għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels, li tħabbar fil-baġit li għadda, għal din is-sena.
Dan filwaqt li koppji żgħażagħ ingħataw ukoll l-aqwa sostenn biex iwettqu l-ħolma li jkollhom ir-residenza tagħhom bħala first-time buyers.
Tali ċirkostanzi wasslu mhux biss għall-istabbilità fil-ħajja tal-familji, imma wkoll għal tkabbir qawwi tal-ekonomija lokali, bil-maqlub ta’ diversi stati membri oħrajn fl-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern saħansitra qed jaħdem mal-importaturi u s-supermarkets biex ikun hemm tnaqqis f’xi prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali.
Dan kollu kien indikat fl-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħarifa, li bassar li pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku s-sena li għaddiet. Dan filwaqt li bassar ukoll li anke din is-sena u s-sena d-dieħla, pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Rapporti internazzjonali jindikaw li l-fabbriki fiż-Żona Ewro temmew is-sena li għadha kemm spiċċat fuq sieq ħażina, bl-attività tagħhom kompliet tonqos f’Diċembru għat-18-il xahar konsekuttiv, skont stħarriġ li ta ftit indikazzjonijiet li jista’ jkun hemm xi qabża qawwija ’l quddiem fl-ekonomija Ewropea.
It-tendenza pessimista Ewropea li tindika lejn tnaqqis ekonomiku fil-Prodott Gross Domestiku fl-aħħar kwart taż-Żona Ewro, kienet ikkonfermata wkoll mill-Kap Ekonomista tal-Hamburg Commercial Bank, Cyrus de la Rubia, skont Reuters.