L-ekonomija Maltija, rkuprat b’rata ferm iktar mgħaġġla minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, fosthom minħabba s-sussidji fuq l-enerġija u l-fuel, u għall-fatt li pajjiżna ma żiedx l-imgħaxxijiet fuq is-self.
Qal dan il-Professur Philip Von Brockdorff, ekonomista, waqt intervent fuq il-programm ‘PaperScan’ fuq ONE.
“L-ekonomija f’Malta rkuprat b’rata ferm iktar mgħaġġla minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea u dan norbtu ma’ żewġ raġunijiet – is-sussidju fuq l-enerġija u fuq il-fuel, u l-oħra, il-fatt li b’differenza għal pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, ma żdidux l-imgħaxxijiet fuq is-self. Allura żewġ elementi li kellhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Il-Kummissjoni Ewropea, kemm-il darba qaltilna biex inneħħu s-sussidji imma naħseb kienet deċiżjoni għaqlija li nżommuhom.”
Huwa tkellem dwar kif minkejja l-fatt li l-gwerer ħallew l-impatt tagħhom, ir-rata tal-inflazzjoni, setgħet kienet ferm ogħla minn dik li kienet, kieku ma kienx hemm dawn is-sussidji.
“Bejn l-2023, u l-2022, u l-2023, ir-rata tal-inflazzjoni, laħħqet is-7%, imma setgħet telgħet 12% kieku ma kienx hemm is-sussidji tal-enerġija u l-fuel. Dak kien ikun impatt negattiv ħafna u l-ekonomija kienet iddum ferm aktar biex tirkupra. Tant hu hekk li l-ekonomija qed tikber, l-aħħar ċifra tal-aħħar kwart, juri li l-ekonomija kibret b’4.9% – kważi 5% f’termini reali.”
Il-Professur von Brockdorff, stqarr kif it-tkabbir li sar fis-settur tas-servizzi – iġġenera ħafna dħul lill-Gvern mingħajr dan ma introduċa żieda fir-rata tat-tassazzjoni.
“L-ekonomija tagħna baqgħet reżiljenti f’mument fejn ekonomiji oħra għadhom qed iħossu l-impatt.”
Intant, żied jgħid kif is-sussidju huwa importanti biex l-ekonomija Maltija, tibqa’ tikber bir-rata li qed tikber biha.
“F’Malta il-cost of living ġie impattat mill-gwerra fl-Ukrajna, imma mhux daqs pajjiżi oħra, ħabba deċiżjoni li biex ngħid hekk immorru dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea, u l-Fond Montetarju Internazzjonali li nneħħu s-sussidju. Is-sussidju baqa’ hemm, u huwa importanti biex l-ekonomija tibqa’ reżiljenti u tibqa’ tikber bir-rata kif qed tikber.”