L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, nediet Management Information System ġdida u innovattiva, imfassla b’mod speċifiku biex tissimplifika u ttejjeb l-effiċjenza operattiva fis-sezzjonijiet kollha tagħha.
Is-sistema, li qed tintuża mill-uffiċjali tal-OHSA, timmarka pass sinifikanti fl-isforzi tat-trasformazzjoni diġitali ta’ din l-awtorità, biex jiġi faċilitat il-ġbir u t-tqassim tal-informazzjoni mill-Occupational Health and Safety Officers fl-ispezzjonijiet li jsiru ta’ kuljum.
Dan, partikolarment, waqt id-dmirijiet ta’ inforzar mill-istess uffiċjali.
Fl-istess ħin, is-sistema ssimplifikat it-tqassim tad-dejta interna, tjiebu l-kwalità u s-sigurtà, inkluż għall-fini ta’ statistika fl-awtorità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar, qalet kif, bis-saħħa tal-effiċjenza diġitali tas-sistema, l-uffiċjali se jkunu qed jiffrankaw il-ħin fuq il-kompiti amministrattivi, fost l-oħrajn, u, għalhekk, jistgħu jiffokaw aktar fuq l-ispezzjonijiet.
“L-effiċjenza se żżid mhux biss in-numri, imma anke se tkun qed tgħinna, għax, bis-saħħa tas-sistema, ħa nkunu qegħdin nikkollaboraw ma’ awtoritajiet oħrajn u b’hekk nifirxu l-medda ta’ spezzjonijiet tagħna f’setturi differenti.”
Josianne Cutajar, Kap Eżekuttiv, OHSA
Din il-cloud platform operata mill-MITA, ġiet imfassla bi protezzjonijiet robusti li jiżguraw it-trasferiment tad-dejta fis-servers, waqt li hi aċċessata permezz ta’ tablets, laptops u tagħmir mobbli.
B’uffiċjali tal-OHSA mgħammrin b’mod sħiħ biex jispezzjonaw postijiet f’diversi setturi, bħall-kostruzzjoni, l-inġinerija, is-sustanzi kimiċi u każi ta’ aċċidenti, is-sistema hi ideali biex twassal rapportaġġ u ġestjoni effiċjenti f’ħin reali.
F’kummenti li għadda, il-Ministru responsabbli, Jonathan Attard, spjega li din hi inizjattiva oħra li tinkwadra fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern għas-setturi involuti, inkluż fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika Jean Paul Sofia.
“Il-ħidma li qed issir fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà mhix biss limitata fil-bdil tal-liġijiet jew inkella għall-investiment bla preċedent fir-riżorsa umana tal-awtorità, imma wkoll investiment fl-infrastruttura diġitali. Din is-sistema l-ġdida hi għodda effettiva għall-ispetturi tagħna biex mhux biss ikunu aktar effiċjenti, imma jkunu wkoll aktar effettivi bil-possibbiltà wkoll ta’ aktar bdil ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet fis-settur.”
Il-Ministru Jonathan Attard,