Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kien effettiv fil-ksib ta’ finanzjament għall-investimenti fl-UE, iżda huwa possibbli li l-ammonti ta’ investimenti mmobilizzati ġew iddikjarati b’mod eċċessiv.
L-awdituri sabu wkoll li parti mill-appoġġ tal-FEIS sempliċement issostitwixxa fondi oħra mill-UE u mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Parti mill-fondi marru għal proġetti li setgħu użaw sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku jew privat, għalkemm fuq termini differenti, u l-biċċa l-kbira mill-investimenti marru għal ftit mill-Istati Membri l-kbar tal-EU-15 li għandhom banek promozzjonali nazzjonali stabbiliti sew.
Il-FEIS huwa inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Huwa jifforma l-bażi għall-Pjan ta’ Investiment tal-UE, magħruf ukoll bħala l-“Pjan Juncker”, li inizjalment kellu l-għan li jiġġenera EUR 315-il biljun f’finanzjament pubbliku u privat għal investimenti strateġiċi. L-awdituri kkonkludew li, mit-tnedija tiegħu fl-2015 sa Lulju 2018, il-FEIS kien effettiv fil-ksib ta’ finanzjament b’appoġġ għal investimenti addizzjonali fl-UE.
Huma sabu li sa nofs Lulju 2018, il-BEI kien approva finanzjament ta’ EUR 65.5 biljun, li huwa aktar mill-volum indikattiv ta’ EUR 61 biljun ta’ fondi li kellhom jinkisbu. L-appoġġ tal-FEIS ippermetta li l-BEI jżid b’erba’ darbiet oħra l-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament b’riskju ogħla, meta mqabbel mal-2014.
Madankollu, xi wħud mill-proġetti taħt il-FEIS setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi privati u pubbliċi oħra, jew inkella mill-BEI nnifsu, għalkemm fuq termini differenti. Il-promoturi tal-proġetti ppreferew jirċievu finanzjament mill-FEIS, minħabba li jew kien orħos jew inkella kien joffri perjodu itwal għar-rimborż. L-awdituri għandhom dubju wkoll dwar l-istima rrappurtata rigward l-investiment addizzjonali ta’ EUR 335 biljun li ġie mmobilizzat.
F’xi każijiet, il-metodoloġija użata ddikjarat b’mod eċċessiv kemm l-appoġġ tal-FEIS verament attira investiment addizzjonali fl-ekonomija reali. Barra minn hekk, l-ammonti rrappurtati ma jiħdux kont tal-fatt li xi wħud mill-operazzjonijiet taħt il-FEIS issostitwew operazzjonijiet oħra tal-BEI u strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Skont l-awdituri, in- MT 2 nuqqas ta’ indikaturi tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ kumparabbli għall-istrumenti finanzjarji u lgaranziji baġitarji kollha tal-UE jnaqqas it-trasparenza u jikkomplika l-valutazzjoni tar-riżultati. “Il-FEIS għandu profil għoli bħala programm emblematiku tal-UE.
Dan jagħmilha ferm aktar importanti li kull dikjarazzjoni dwar l-effettività tiegħu tkun ibbażata fuq pedamenti sodi,” qal Leo Brincat, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. Skont l-awdituri, il-finanzjament li ġie sostitwit parzjalment mill-FEIS kien fil-biċċa l-kbira relatat ma’ strumenti finanzjarji tal-UE mmaniġġjati ċentralment, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport u tal-enerġija. L-awdituri huma wkoll tal-fehma li jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-BEI jevitaw it-trikkib li jista’ jkun hemm bejn il-FEIS u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) immaniġġjati mill-Istati Membri. Fi tmiem l-2017, il-portafoll tal-FEIS kien jinsab fi ħdan il-limiti ssettjati għall-investiment f’setturi ta’ politika speċifiċi.
Madankollu, il-konċentrazzjoni ġeografika tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament ma kinitx ibbilanċjata biżżejjed, billi fil-biċċa l-kbira dawn kienu kkonċentrati fi ftit mill-Istati Membri l-kbar tal-EU-15 li għandhom banek promozzjonali nazzjonali stabbiliti sew.
L-awdituri jagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet bl-għan li: • jiġi promoss l-użu ġustifikat ta’ prodotti tal-BEI b’riskju ogħla taħt il-FEIS; • tiġi mħeġġa l-komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-garanziji baġitarji tal-UE; • isir titjib fil-valutazzjoni ta’ jekk proġetti potenzjali tal-FEIS setgħux ġew iffinanzjati minn sorsi oħra; • jiġi stmat aħjar l-investiment immobilizzat; • isir titjib fil-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat taħt il-FEIS.