“Id-daqqa tal-lum hija daqqa 50 darba akbar minn dik tar-riċessjoni tal-2008.”
Hekk sostna l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana dwar l-effett negattiv tal-pandemija waqt konferenza tal-Gvern bit-tema, ‘Lejn Prosperità Ġdida’.
Minkejja dan, il-Ministru Caruana qal li Malta rnexxielha żżomm il-livell ta’ qgħad li kellha qabel il-pandemija.
Quddiem industrijalisti, imsieħba soċjali u anke start-ups, Caruana sostna wkoll li d-diskors fl-Ewropa llum il-ġurnata huwa kif il-Gvernijiet se jżidu d-dħul tagħhom b’aktar taxxi.
Madankollu sostna li dan huwa żball hekk kif il-Gvern ma jistax ikun responsabbli għal daqqa oħra lill-komunità kummerċjali.
Intant qal ukoll li quddiem pressjoni internazzjonali biex tinbidel is-sistema tat-taxxa lokali, Malta ser iżżomm b’saħħitha u tagħmel il-bidliet neċessarji jekk ikun hemm bżonn.
Il-Ministru Caruana stqarr: “Id-diskors fl-Ewropa llum huwa kif il-Gvernijiet ser iżidu d-dħul tagħhom b’aktar taxxi u naħseb hawnhekk ilkoll naqblu li jekk hemm xi ħaġa li żgur ma nistgħux nitkellmu fuqha f’dan iż-żmien huwa kif se nżidu t-taxxi.”
“Allura hemmhekk iva rridu nkomplu naħdmu biex nuru lil ħaddieħor li m’aħna nagħmlu xejn ħażin u biex jekk hemm bżonn nibdlu xi affarijiet, nibdluhom.”
Il-Ministru Caruana qal ukoll li l-akbar sfida hija li rridu nżidu l-produttività tagħna filwaqt li appella għal aktar paċenzja u sagrifiċċju quddiem dawn l-aħħar xhur ta’ sfida.
Temm jgħid li l-Budget li jmiss se jkun wieħed fejn jitħabbru aktar miżuri biex jintlaħaq livell t’għajxien ta’ aħjar għal kulħadd.
Intant f’diskussjoni waqt l-istess konferenza, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-ewwel previżjonijiet kawża tal-pandemija fil-qasam tax-xogħol kien li madwar 50,000 persuna jitilfu xogħolhom.
Irrimarka l-ħidma tal-Gvern sabiex jilqa’ għall-effetti tal-pandemija fosthom permezz ta’ miżuri bħal dik tal-Covid Wage Supplement.
Il-Ministru Schembri sostna: “Aħna l-fatt li aħna pajjiż żgħir u l-fatt li għandna anke livell ta’ komunikazzjoni mal-korpi kostitwiti, mal-ħaddiema, mas-setturi tan-negozju, hemm paċi industrijali ġewwa pajjiżna kemm l-adaptibility u l-agility tagħna tagħmilha f’pożizzjoni ħafna aktar faċli.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli sostniet fuq l-importanza li pajjiżna jibqa’ jattira investiment ġdid.
Investiment li partikolarment għandu x’jaqsam mat-tkabbir tal-ekonomija l-ħadra.
Il-Ministru Dalli qalet, “Din ma hijiex xi ħaġa li se tiġri f’temp qasir ta’ żmien imma tirrikjedi numru ta’ snin u għalhekk irridu naħsbu għaliha minn issa u naħsbu għaliha minn issa billi ninvestu f’enerġija aktar nadifa però f’intrapriża li hija nadifa wkoll.”