L-edukazzjoni u l-kultura qed jiżżewġu f’‘RepubblikGħana’, spettaklu dinamiku u kulturali li għandu l-għan li jeduka u jinvolvi l-istudenti fl-istorja li wasslet biex Malta ssir Repubblika.
Din il-produzzjoni tispikka għall-integrazzjoni unika tagħha tal-għana u l-kanzunetta tradizzjonali folkloristika Maltija, bħala mezz ta’ narrazzjoni.
L-ispettaklu se jinkludi diversi stili ta’ għana, akkumpanjati mill-ħsejjes distintivi tal-kitarra Maltija biex iwasslu storja rikka u emozzjonali lil udjenzi żgħar.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, fejn ġie spjegat li l-produzzjoni se tibda mill-Iskola Primarja ta’ Sant’Iermu, fil-Belt Valletta, nhar l-Erbgħa li ġej fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu.
Dwar il-kunċett ta’ dan il-proġett tkellimna mal-artist Jeremy Grech.
“Qed nipprovaw ngħaqqdu stil antik mużikali mal-istorja ta’ Malta. Fil-fatt anke l-isem hu ‘RepubblikGħana’. Imma l-aktar ħaġa li ħdimna fuqha hi kif nistgħu nipproduċu l-għana b’mod interessanti għat-tfal, għax għandna din l-idea li l-għana hi boring, l-għana mhux interessanti, allura għamilna ftit żgħira rap. Rajna ċerti artisti tar-rap li huma popolari llum il-ġurnata u kif nistgħu ngħaqqdu l-eqdem rap Malti mal-modern.”
Jeremy Grech, Artist
Il-Ministru Bonnici enfasizza kif din il-produzzjoni tgħin biex tħares it-tradizzjonijiet kulturali ta’ Malta, filwaqt li ssaħħaħ l-identità u l-kburija nazzjonali fost iż-żgħażagħ u t-tfal.
“Iħobbu l-arti, iħobbu dak li jagħmilna Maltin. U nemmen li l-ingredjenti li użajna, it-tradizzjoni, l-innovazzjoni, se jagħmlu l-prodott li nirrappreżentaw quddiem uliedna, wieħed sabiħ.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima sostna li l-perkors tas-sistema edukattiva tal-istudenti għandha tinkludi inizjattivi bħal dawn li jagħtuna għarfien dwar x’jagħmilna Maltin.
“Ħarisna lejn l-aspett letterarju, l-aspett awdjo-viżiv u, fuq kollox, lejn il-lingwa Maltija, lingwa li tant hi importanti għalina. Filwaqt li nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi f’pajjiżna.”
Il-Ministru Clifton Grima
Fl-istess ħin, bħala parti minn din l-inizjattiva edukattiva, se jkun qed jitqassam il-ktieb ‘Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena’ fl-iskejjel kollha.