“L-edukazzjoni inklussiva u l-ekwità huma l-għażliet li se timbotta, għaliex temmen li l-edukazzjoni qiegħda hemm għal kulħadd u ħadd m’għandu jitħalla barra mis-sistema edukattiva”, qalet dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Hija kienet qed f’laqgħa virtwali li saret u li fiha pparteċipaw il-Ministri għall-Edukazzjoni fi ħdan il-PES – Il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi tal-Unjoni Ewropea. Il-laqgħa tmexxiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni tal-Iżvezja Anna Ekström.
Fl-intervent tagħha l-Ministru għall-Edukazzjoni enfasizzat li s-sistema edukattiva trid tilħaq lil kulħadd dejjem, wisq aktar f’dan iż-żmien li d-dinja qed tgħix f’sitwazzjoni miġjuba mill-pandemija COVID-19.
Hija kompliet tgħid li għalhekk li issa huwa l-mument opportun biex flimkien nagħmlu l-bidliet meħtieġa ħalli wara l-pandemija jkollna l-għodod meħtieġa għar-riġenerazzjoni ekonomika bis-saħħa ta’ kapital uman preparat għal dak kollu li huwa meħtieġ għall-pajjiż.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Caruana spjegat ukoll kif waqt il-pandemija pajjiżna kompla jipprovdi gwida u wkoll appoġġ għal dak kollu meħtieġ, filwaqt li tkompliet ukoll il-mixja edukattiva ta’ kwalità, li dejjem tibqa’ prijorità.
F’din il-laqgħa ntqal li filwaqt li s-sitwazzjoni minħabba l-pandemija hija waħda fluwida, l-isfidi anke fil-qasam edukattiv jibqgħu hemm, u huwa għalhekk li l-Ministri għall-Edukazzjoni huma preparati biex jadattaw għal dak li jkun hemm bżonn u wkoll skont iċ-ċirkostanzi.
Waqt diskussjoni dwar l-edukazzjoni fl-era diġitali, il-Ministru Caruana semmiet kif it-tranżizzjoni diġitali qed toħloq opportunitajiet sbieħ filwaqt li tmexxi ’l quddiem sfidi ġodda. F’dan, pajjiżna jemmen li għandu jkun hemm aktar diskussjonijiet u wkoll assessjar biex ikun magħruf aktar l-impatt ta’ din it-tranżizzjoni diġitali. Dan iwassal biex ikun preparat pjan għal dan il-proċess li jiżgura tranżizzjoni bla xkiel lejn id-diġitalizzazzjoni.