Għarfien dwar kif iġġib ruħek online huwa l-ewwel pass sabiex innaqqsu n-numru ta’ ċittadini li jispiċċaw vittmi tas-cybercrime, qalet il-MPE Laburista Miriam Dalli.
Dr Dalli kienet qed tindirizza d-dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra s-cybercrime.
“It-teknoloġiji diġitali huma parti integrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u huma s-sinsla tal-ekonomiji tagħna. Għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea ikollha leġiżlazzjoni qawwija dwar is-sigurtà ċibernetika filwaqt li tinvesti f’aktar riċerka dwar kif tipproteġi liċ-ċittadini online,” qalet Dalli.
Is-cybercrime hija problema bla fruntieri, li tikkonsisti f’atti kriminali online permezz netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sistemi ta’ informazzjoni.
Malta, bħall-istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, mhijiex immuni għall-kriminalità ċibernetika u programmi malizzjużi. Għal din ir-raġuni, il-liġijiet Maltin jittrattaw diversi aspetti tas-sigurtà online, inkluż permezz tal-Kodiċi Kriminali Malti, ir-Regolamenti dwar Ipproċessar taʾ Data Personali u r-Regolamenti dwar Netwerks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi.
Malta wkoll iffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-Cybercrime fl-2001.
Madanakollu, insistiet Dalli, il-prevenzjoni mis-cybercrime m’għandhiex tiffoka biss fuq l-infrastruttura t-tajba iżda għandha tkun ukoll dwar l-edukazzjoni.
Dalli argumentat li din kienet ukoll opportunità għat-taħriġ ta’ esperti żgħażagħ fl-ICT li jistgħu jiġġieldu kontra dan il-fenomenu u reati simili li se naffaċċjaw fil-futur.
Il-MPE kompliet żżid li sigurtà online mhix biss dwar l-infrastruttura: “Hija wkoll dwar li nħarrġu lil min jużaʾ l-internet dwar ir-riskji li se jiffaċċjaw fis-cyberspace. Il-kwistjoni hija aktar urġenti peress li għadd ta ‘servizzi pubbliċi madwar l-UE issa huma disponibbli online.”
“Il-messaġġ tiegħi lill-Kummissjoni Ewropea u l-Gvernijiet Ewropej: mhux biżżejjed li jkun hemm infrastruttura li hija “unhackable”. Għinu liċ-ċittadini biex l-ewwel jaħsbu fil-konsegwenzi, imbagħad jikklikjaw – mhux bil-kontra.”
Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru sab li n-nies huma aktar imħassba dwar it-tranżazzjonijiet onlajn, bit-tnejn l-aktar komuni huma l-użu ħażin tad-data personali u s-sigurtà tal-ħlasijiet onlajn.
Skond ċifri kkwotati minn MaltaToday, ipprovduti mis-Cybercrime Unit fi ħdan il-Pulizija, l-iktar tliet tipi komuni ta’ ċiberkriminalità f’Malta fl-2016 kienu falsifikazzjoni, frodi u misapproprjazzjoni, insulti, theddid u vjolenza privata u użu ħażin tal-kompjuter. B’kollox, 877 każ taʾ reati onlajn ġew investigati, bi frodi, falsifikazzjoni u miżapproprjazzjoni.
Il-MEP Dalli ħeġġet lil min juża’ l-internet biex jipproteġu l-identità tagħhom filwaqt li jiżguraw li jużaw il-passwords sikuri li ma jkunux identifikabbli faċilment.