“L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-mobilità soċjali.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt l-ewwel workshop, organizzat mill-Partit Laburista fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid bl-isem ta’ ‘Malta ta’ Ħiliet’, bil-għan li jindika t-triq ‘il quddiem dwar kif għandu ikompli jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.
Dan qed isir fi sfond ta’ diversi attivitajiet skedati fl-okkażjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, li qed isir tul din il-ġimgħa.
Il-Prim Ministru qal li l-edukazzjoni hi għal qalb kulħadd u hi ċ-ċavetta tal-mobilità soċjali. Qal li rridu nsaħħu Malta tagħna billi ninvestu fil-ħiliet tan-nies.
Huwa tkellem dwar ekonomija fejn sa ftit taż-żmien ilu ma kienx hawn studenti biżżejjed fil-qasam tas-snajja’ u għalhekk kien hemm il-miżura fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ biex jinfetaħ ċentru tas-snajja’ fl-MCAST.
Fil-fatt, il-Prim Ministru ħabbar li f’Settembru tas-sena d-dieħla se jinfetħu l-applikazzjonijiet u fl-2025 dan iċ-ċentru jibda jaħdem.
Hu qal li din il-miżura se tkun tant importanti biex nibqgħu noħolqu ekonomija Maltija mill-Maltin għall-Maltin. Dr Abela qal li se jkun istitut li se jgħin fil-ħiliet ta’ ħafna.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riforma fl-istipendji u sostna kif din hija xhieda ta’ kif il-Partit Laburista qed ikompli jinvesti fihom. Għalhekk fakkar fil-miżura li jiżdiedu l-korsijiet b’aktar stipendji.
Fl-aħħar hu rringrazzja dawk kollha li intervjenew u sostnew id-diskussjoni biex b’hekk il-Partit Laburista qed jibqa’ Partit li jiddjaloga man-nies.
Sadanittant, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li Malta qatt ma kellha kwalità ta’ ħajja tajba daqskemm għandha llum u l-prinċipju tal-Partit Laburista jibqa’ li kull persuna fis-soċjetà tagħna tkun tgħix ħajja sana.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista se jintlaħaq nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Ottubru, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.