L-edukazzjoni fl-aqwa tagħha! Hekk il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddeskriva l-proġett tal-University Of Malta Racing, meta żar il-garaxx fejn bħalissa qed tinbena l-aħħar karozza tat-tlielaq minn tim ta’ studenti universitarji Maltin.
Kif spjega l-viċi Dekan tal-fakulta tal-inġinerija, Michael Saliba, din l-inizjattiva tmur lura għaxar snin, u bdiet bħala proġett għall-istudenti fi ħdan l-istess fakulta. Iżda llum, din infirxet sew, tant li fuq l-aħħar karozza qed jaħdmu xejn inqas minn sittin student, ġejjin minn tmien fakultajiet differenti.
Grupp imdaqqas li minkejja l-isfond varjat tagħhom, qed jaħdmu lkoll għal għan wieħed. Dak li jikkompetu f’kampjonat internazzjonali mal-aqwa universitajiet madwar id-dinja.
Kif spjega l-President tat-tim, Kurt Dalli, il-grupp hu maqsum f’żewġ sezzjonijiet. Li jinkludi t-tim tal-inġinerija u t-time tal- business. It-time tal- inġinerija huwa maqsum f’timijiet oħra li jieħdu ħsieb partijiet differenti tal-karozza, it-tim tal- business jieħu ħsieb il-finanzi, l-events u l-marketing.
Ix-xogħol fuq il-karozza bħalissa jinsab fi stadju inizjali, hekk kif qed isiru t-tħejjijiet kollha biex fis-sajf tinbena u titlesta għat-tlielaq. Kurt Dalli fisser kif il-proċess huwa wieħed metikoluż.
Wara s-suċċess b’karozzi preċedenti, it-tim għandu tragward ikbar, hekk kif fil-mira tiegħu hemm kampjonat prestiġjuż tat-tlielaq bejn l-aqwa universitajiet madwar id-dinja. Kien għalhekk li bl-għajnuna tal-Gvern u l-isponsors tagħhom, it-tim daħal għal sfida biex jibni l-aqwa karozza possibli.
L-ispiża tal-karozza disinnjata tlaħħaq il-mitt elf ewro, u għalhekk it-tim tal-University of Malta Racing nieda fond elettroniku biex il-pubbliku jkun jista’ jikkontribwixxi b’donazzjonijiet online.
Waqt li faħħar dan il-proġett għall-ħiliet prattiċi li jiżviluppa fost l-istudenti, il-Ministru Evarist Bartolo tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja inizjattivi simili.