Min qed jimpjega ħaddiema fl-uffiċini qed jitlob kwalifikazzjonijiet ogħla, izda dawk li jagħżlu li jkomplu jistudjaw qed jaqbżu l-kwalifiċi mitluba. B’hekk qed tinħoloq sitwazzjoni fejn dawn
il-kumpaniji mhumiex isibu biżżejjed applikanti adekwati għat-talba tagħhom.
Filfatt it-talba ghal dawk magħrufa bħala ‘clerical support workers’ hija l-ogħla fost l-oqsma tax-xogħol kollha, mhux biss għax dawn il-postijiet żdiedu iżda għax dawk vakanti mhumiex qed jintlew. Il-bżonn għal dawn il-ħaddiema u l-problema tan-nuqqas ta’ persuni adekwati mistennija tikber fit-tlett snin li gejjin.
F’ekonomija fejn kuljum jinħolqu madwar tmintax il-post tax-xogħol Jobsplus, il-Kummissjoni nazzjonali għall-edukazzjoni ogħla u l-Malta Enterprise ikkummissjonaw studju dwar il-bżonnijiet tas-suq tal-ħaddiema.
L-istudju juri kif it-talba għal-xogħlijiet elementari qed tonqos, għalhekk hemm bzonn li l-istudenti jkompli jistudjaw jew jitħarrġu wara l-edukazzjoni sekondarja. L-iktar ħaddiema li sabu post tax-xogħol huma l-professjonisti (16%), ‘clerical support workers’ (14.5%) u tekniċi (14.2%).
Iktar minn 56% tal-postijiet tax-xogħol vakanti ma jimtlewx minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet edukattivi mitluba minn min iħaddem, filwaqt li 43% jibqgħu vakanti minħabba attitudni u personalità inadekwata.
Konsegwenza ta’ dan, min iħaddem qed idur fuq impjegati barranin, iżid l-ispiża għar-reklutaġġ jew jgħolli s-salarji biex jittratta iktar applikanti. Fil-fatt l-istħarriġ wera kif huma disgħa u għoxrin fil-mija ta’ min ħaddem li qed jimpjegaw barranin fuq bażi ta’ full time.
Kien għalhekk li l-Ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li s-sistema edukattiva Maltija mhix tipprovdi biżżejjed ħiliet minkejja li tipprovdi l-kwalifiċi u li hemm reżistenza mill-kamp edukattiv biex isiru l-bidliet neċessarji fil-qasam edukattiv biex l-edukazzjoni tingħata xeħta iktar reali.
Minkejja li l-istudju juri li fl-aħħar tlett snin kważi 40% tal-kumpaniji irreklutaw ħaddiema bla esperjenza ta’ xogħol, il-maġġoranza assoluta tagħhom qalu li għandu jkun hemm iktar kollaborazzjoni bejnhom u l-istituzzjonijiet edukattivi.
Dwar dan il-Ministru Chris Cardona appella għal iktar integrazzjoni bejn id-dinja tal-edukazzjoni u x-xogħol permezz ta’ iktar inizjattivi li jgħinu kemm lill-istudenti u kif ukoll lil min iħaddem.