Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda politika li, permezz tagħha, qed jiġi żgurat li l-vuċijiet tal-edukaturi jkunu ċentrali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Għal dan il-għan, tfasslet il-politika bl-isem ta’ ‘Education Policy: Educators as Policy Makers’. Din hi pass ieħor bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni kif ukoll it-twettiq ta’ miżura mħabbra fil-manifest elettorali tal-Gvern.
F’dan ir-rigward ukoll u bħala parti minn din il-politika żviluppata bil-kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għall-Ippjanar u l-Ħsieb Strateġiku u d-Direttorat għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tal-Politika, inħoloq il-grupp ta’ Tmexxija tal-Forum tal-Ħsieb għall-Futur tal-Edukazzjoni f’Malta biex jiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza.
Il-politika l-ġdida tagħmel enfasi fuq id-diversi stakeholders fil-proċess ta’ konsultazzjoni, kemm dawk interni, li jinkludu lill-edukaturi u dawk fit-tmexxija tal-iskejjel, kif ukoll dawk esterni, li jinkludu ministeri oħrajn, rappreżentanti tal-industrija u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
F’kummenti lil ONE News, is-Segretarju Permamenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Matthew Vella, qal li dan kollu se jkun qed isir ma’ diversi partijiet differenti, b’mod li l-vuċi ta’ kulħadd tkun mismugħa u l-potenzjal ikun massimizzat biex b’hekk kulħadd igawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Fil-Malta Education Forsight Forum qed naħdmu id f’id ma’ stakeholders oħrajn mill-industrija, ma’ unjins u partijiet konċernati oħrajn biex, b’vuċi waħda, niżviluppaw l-istrateġiji għall-futur, kif ukoll li naraw pajjiżna fejn sejjer, kif ħa nkunu qegħdin nimplimentaw dan.”
Vella qal ukoll kif dan kollu se jara t-twaqqif ta’ hub apposta fix-xhur li ġejjin, li l-għan tiegħu se jkun li jiċċentralizza din il-ħidma kollha. F’ċerti każi wkoll, dan se jara li jkunu qed jitlaqqgħu gruppi differenti, inkluż dawk tal-ġenituri u l-istudenti, biex kulħadd jaqsam il-ħsibijiet tiegħu.
Dan kollu se jkun, għalhekk, qed jgħaqqad dak li tfassal u issa qed jiġi implimentat, flimkien mal-partijiet kollha konċernati.
Għall-ewwel darba, ġie fformat ukoll mudell għal Malta fejn il-Ministeru ħadem mal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-OECD, b’kummenti pożittivi għal kif dan tfassal ibbażat fuq ir-riċerka li saret u mhux ikkopjat minn pajjiżi oħrajn.
Il-Ministru Grima stqarr kif dan kollu jikkonferma kif f’pajjiżna hemm għatx għal strateġiji bħal dawn, li joħorġu mill-manifest Laburista u l-istrateġija nazzjonali u fiċ-ċentru tagħhom hemm l-edukaturi.
“Dak li ħabbarna llum jimxi paripassu ma’ dak li hu l-ftehim kollettiv settorjali, li kien l-aqwa ftehim li qatt sar għas-settur edukattiv f’pajjiżna, u llum b’dak li ħabbarna qed nagħtu aktar għodda biex jiġi mplimentat proprju t-tessut ta’ dan l-istess ftehim settorjali kollettiv.”