F’konferenza bit-tema, ‘Hate Speech – Challenged in Schools’ fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta, George Vella, qal li l-iskejjel huma t-tarka kontra l-hate speech għaliex huma l-edukaturi fil-klassijiet li jgħinu fil-formazzjoni komprensiva tal-istudenti, li ma tiqafx biss mal-aspett akkademiku.
Il-President Vella sostna li l-irwol tal-iskejjel huwa kruċjali biex tingħeleb l-isfida tal-hate speech, hekk kif l-iskola, hija post fejn id-diversità għandha tiġi ċċelebrata.
Il-President Vella stqarr li, “Fejn jidħlu l-iskejjel f’dan kollu? Jidħlu u kif, għax għandhom il-fakulta kollha li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-istudent, meta kkonfrontat mill-hate speech. Huma parti intrinsika minn kull eżerċizzju li jista’ joffri soluzzjonijiet u strateġiji f’dan ir-rigward”.
Il-President Vella sostna li għandna nkunu minn tal-ewwel li nagħtu l-eżempju b’aġir ta’ empatija, anke fil-konfront ta’ dawk li ma naqblux magħhom.
Il-konferenza saret bl-iskop li jitqanqal aktar għarfien fuq il-hate speech, x’qed iwassal għalih u rakkomandazzjonijiet ta’ x’jista’ jsir. Dr Vella filwaqt li wera t-tama li permezz tal-konferenza jista’ jinbet pjan ta’ ħidma għal ambjent iktar inklussiv, stqarr ukoll li jittama li fix-xhur li ġejjin isiru eżerċizzji simili f’setturi oħrajn bħal midja, l-operaturi tal-mezzi soċjali u l-politiċi.