Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jemmen li l-edukaturi, flimkien mal-istudenti u l-ġenituri tagħhom, għandhom jitpoġġew fil-qalba tat-twemmin u l-proċessi tiegħu.
Dan kien il-messaġġ tal-Ministru reponsabbli Clifton Grima waqt żjara fil-Liċeo tal-Ħamrun fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għalliema, li jiġi ċċelebrat fil-5 ta’ Ottubru kull sena.
Fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, il-Ministru tenna kif l-edukaturi, flimkien mal-istudenti u l-ġenituri tagħhom, għandhom jitpoġġew fil-qalba tal-proċessi kollha.
“Allura l-enfasi fuq il-benesseri, l-enfasi fuq id-dedikazzjoni, biex naraw u nassiguraw li l-għalliema dejjem ikollhom aktar għodda biex iwettqu x-xogħol tagħhom li tant hu importanti għall-iżvilupp tal-istudenti.”
Il-Ministru Clifton Grima
Hawnhekk issemmiet l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 fejn qed tingħata aktar importanza lill-komunikazzjoni bejn il-ministeru u l-edukatur.
Il-Ministru Grima fakkar li l-ftehim settorjali għall-edukaturi m’għandux ifisser biss titjib sostanzjali fil-pakkett finanzjarju fil-paga tal-aħħar t’Ottubru, imma wkoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Hu qal ukoll li l-edukaturi, li huma l-gradi kollha tal-għalliema fl-iskejjel, huma kruċjali għall-ekosistema edukattiva.