Waqt il-programm XTRA, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem ukoll dwar is-settur edukattiv u spjega kif l-vuċi tal-edukaturi trid tkun mismugħa.
“Taf min irid jiggwidana Saviour hemmhekk? L-edukaturi prinċipalment, l-edukaturi, il-ġenituri u anki t-tfal. Imma jien x’tara fl-edukaturi? Jiġifieri meta aħna tkellimna dwar li se nsaħħu ħafna l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi tagħna. L-edukaturi issa qed narahom bħala policy makers, fejn aħna nagħtu d-direzzjoni strateġika, imma mbagħad il-policy makers ikunu l-edukaturi tagħna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-ambjent u fakkar kif Gvern Nazzjonalista fl-2006 ħa art mhux mittiefsa daqs is-Siġġiewi kollha.
Fakkar ukoll kif l-id il-leminija ta’ Bernard Grech huwa Ray Bezzina u qal kif il-magħżul ta’ Grech kien Chris Ciantar, li t-tnejn kienu fil-Ministeru ta’ George Pullicino u li Grech ġabhom miegħu.
“Dak il-bniedem li sabbat saqajh u baqa’ għaddej dakinhar illum huwa l-id il-leminija tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Imbagħad fejn irid il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidlek imma dak il-passat, imma l-passat li inti trasportajtu għall-futur u ħtartu bħala l-id il-leminija tiegħek, mhux biss bħala konsulent ewlieni imma wkoll bħala rappreżentant fuq l-Awtorità tal-Ambjent. Ara naqa x’assurditajiet dawn li jkollna naġixxu dwarhom.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar il-kriżi fl-Ukrajna, Dr Abela mhux biss semma s-sostenn li se jibqa’ jagħti l-Gvern lin-nies quddiem effetti tal-gwerra iżda semma wkoll l-għajnuna umanitarja tal-Ukrajna.
“Ħa nibda bil-mediċini li bgħatna lejn l-Ukrajna 1,400,000 fuq valur ta’ mediċini, tajna l-kenn u l-ażil lill-applikanti. L-aħħar aġġornament li ħadt kien ta’ 31 applikant għall-ażil, tajnihom il-kenn ġewwa pajjiżna. Dawk li ġew u kellhom joqogħodu fil-lukanda, żġurajna illi ma joħorġu l-ebda 1 cent imqar mill-but u ħloqna dan il-fond, taħt l-awspiċi mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin biex nassiguraw li jingħataw il-kenn u kenn mingħajr ħlas.”
il-Prim Ministru Robert Abela