Dawn iċ-ċkejknin jaqbżu jogħlew daqs mulett għalkemm fil-verità l-għalliema sportivi tagħhom qalulhom jaqbżu qishom żrinġijiet.
Dawn u oħrajn ikbar minnhom huma parti mill-programm sportiv Summer On The Move li issa wasal fl-aħħar ftit jiem tiegħu.
Din is-sena pparteċipaw f’Summer On The Move mas-sebat elef ruħ.
Programm li qed jikber mhux biss fost it-tfal iżda anki l-kbar, kif jixhed il-kowċ ta’ għadd ta’ dixxiplini sportivi, Joel Winters.
Joel Winters kowċ qalilna “Nieħu ħsieb ukoll filgħodu wkoll nagħmel l-adulti l-fitness li ħafna minnhom huma ġenituri tat-tfal, ġieli jiġu ftit żgħira qabel, iwasslu t-tfal u fl-istess ħin jipparteċipaw huma u jagħmlu ftit żgħira exercises għas-saħħa tagħhom ukoll”.
Fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop stajna naraw bosta tfal jipprattikaw tip ta’ sport.
Oħrajn jilagħbu logħob bl-ilma fejn l-għors tagħhom kien li jixxarbu u jxarrbu anki lil ta’ ħdejhom.
Fuq kollox spikka s-sodisfazzjon ta’ dawn iċ-ċkejknin li flok qagħdu bilqiegħda jilagħbu b’xi aġġeġġ, ċaqilqu ftit il-jogi u għamlu xi ħaġa ta’ ġid lilhom innfishom.
Alessia Scicluna parteċipanta ta’ Summer on the Move qaltilna “Hawnhekk nagħmel ħafna sports differenti li jogħġbuni bħal martial arts, badminton, gymnastics, qishom dawk u li jogħġobni minn hawn huwa li you keep yourself fit during the summer”.
Sean Porter parteċipant ieħor ta’ Summer on the Move stqarr li “Kollox nipprova, ħafna sports differenti, ħafna sports pereżempju l-badminton qabel ma kontx naf li jogħġobni u pruvajtu hawn u għoġobni.”
Dawk li forsi tilfu ċ-ċans li jkunu parti minn dan il-programm sportiv għas-sajf għandhom opportunità jibqgħu attivi billi jkunu parti minn programm sportiv ieħor għax-xitwa.
Winter On The Move jsegwi dak tas-sajf u mistenni jagħti togħma ta’ bosta dixxiplini sportivi fosthom l-arti marzjali, l-badminton u l-ġinnastika.