“Inċentivi li primarjament huma mmirati li jnaqqsu l-infiq tan-negozji filwaqt li jistimulaw il-konsum mill-pubbliku.”
Hekk iddeskriva l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika mħabbar mill-Gvern, l-editorjal tal-Gazzetta ‘Times of Malta’.
L-istess editorjal innota kif dan il-pjan jara li n-negozju jerġa’ jirkupra, bl-effett dirett li nies li minħabba l-pandemija tilfu xogħlhom jerġgħu ikunu impjegati mill-ġdid. Fit-‘Talking Point’ tal-istess gazzetta mill-pinna ta’ żewġ fundaturi ta’ kumpanija tal-konsulenzi tan-negozju, tingħata ħarsa lejn l-istess pjan bħala dak li għandu joffri is-soluzzjoni f’qasir żmien biex tirpilja l-ekonomija Maltija wara l-pandemija. Fil-fatt fit-titlu jiddeskrivuh bħala pjan b’miri ċari u f’waqtu.
L-editorjal tal-Gazzetta ‘The Malta Independent’ ukoll irrikonoxxa li dan il-pjan ser ikun qed iwassal biex l-ekonomija terġa’ tikseb saħħitha. L-editorjal elenka numru ta’ miżuri li ser ikunu fundamentali sabiex dan jiġri, fosthom it-traħħis fuq il-kontijiet tal-elettriku u l-għajnuna fil-kirjiet.
Il-gazzetta ‘MaltaToday’ fl-editorjal semmiet kif dan il-pjan huwa riflessjoni ċara tal-ħidma ta’ Gvern Laburista li mill-2013 introduċa miżuri soċjali li jinkoraġixxu lin-nies jaħdmu u jippremjaw il-bżulija.
Miżuri li kif innota l-editorjal tal-gazzetta orizzont raw il-qofol tagħhom f’dan il-pjan b’għajnuna u benefiċċji bla preċedent. Din l-istess gazzetta qalet li dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika juri ppjanar u għaqal li bih mexa Gvern Laburista fis-snin li għaddew.