Ir-riżultati għall-Partit Nazzjonalista huma ta’ tħassib.
Konklużjoni ċara tal-editorjal tal-Maltatoday li l-Ħadd li għadda ppubblikat stħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Stħarriġ li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u dawk li poġġewh fil-kariga ppruvaw ipinġuh bħala xi ħaġa pożittiva.
Iżda, l-analiżi tal-Maltatoday kienet ċara kristall.
“Il-Partit Nazzjonalista mhu jirnexxilu jirbaħ xejn mit-territorju li tilef fl-2013 u l-2017,” qal l-editorjal tal-Maltatoday li jinnota kif qabel kull elezzjoni wieħed jistenna li d-differenza fil-fiduċja bejn il-mexxejja tibqa’ tonqos.
Filwaqt li jinnota li f’dan l-istħarriġ ma ġratx, l-editorjal tal-Maltatoday qal kemm kienet korretta l-kandidat Roselyn Borg Knight li ħarġet tgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu l-problemi u li għandu jieqaf idoqq l-istess diska.
Fost ir-raġunijiet li ssemmew fl-editorjal hu kif sal-lum il-Partit Nazzjonalista mhux jidher bħala Gvern alternattiv.
Mhux biss għax m’għandux nies ġodda, iżda lanqas politika ġdida.
L-editur tal-Maltatoday jinnota wkoll kif il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jwaħħal f’dawk li telquh għat-telfiet tal-2013 u l-2017.
Persuni li skont Bernard Grech nhar il-Ħadd li għadda għandhom jirrijabilitaw ruħhom biex ikunu jistgħu jidħlu lura fil-Partit Nazzjonalista.
Mal-istħarriġ tal-Maltatoday il-Ħadd li għadda kien ippubblikat ukoll wieħed tat-Torċa.
Anke jekk il-Maltin komplew juru fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista, Bernard Grech ħareġ jgħid li kuntent.
Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru qal li l-obbligu tal-Partit Laburista hu dak li jibqa’ jkun viċin in-nies u jisma’ lil min hu mweġġa’.
Qal, “Fl-istess waqt iżda rridu nibqgħu viċin in-nies, ma nistgħu nħallu l-ebda numri, li tikbrilna rasna, għaliex dak ikun l-ikbar żball li qatt nistgħu nagħmlu. Irridu nibqgħu viċin in-nies. Nifhem li għad hemm min huwa muġugħ u dawn huma weġgħat li rridu nindirizzawhom.”