“Dead man walking”. Hekk irrefera għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech l-editorjal tal-gazzetta MaltaToday fil-ħarġa tagħha tal-Erbgħa.
Dan b’referenza għad-dgħufija fit-tmexxija ta’ Grech u tal-Partit Nazzjonalista, li kixef l-inċident tal-Każin Nazzjonalista fil-Ħamrun fejn dan ma tħalliex jidħol fi proprjetà tal-Partit stess.
Sa għaxart ijiem wara l-każ u l-ġlieda vjolenti li seħħet fejn kanvażer ta’ Grech stess indarab serjament u kellu jiġi operat fl-Isptar Mater Dei, kemm il-Kap Nazzjonalista kif ukoll il-PN ma lissnux kelma waħda, ħlief għal stqarrija xotta nhar il-Ġimgħa fejn tħabbar li l-Każin kien qed jingħalaq temporanjament.
Il-MaltaToday qalet li l-fatt li l-Kap Nazzjonalista ma tħalliex jidħol fil-każin tal-Partit tiegħu mill-barman hu umiljazzjoni tal-ogħla livell.
L-editorjal innota kif ir-reazzjoni b’rabta ma’ dan l-inċident mill-Partit Nazzjonalista kienet waħda fjakka. Tant li fil-bidu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Michael Piccinino ttanta jimminimizza l-inċident vjolenti, billi qal li kien hemm nuqqas ta’ ftehim.
Innota li ħamest ijem wara, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija xotta ta’ sentenza waħda biss, fejn intqal li l-każin ta’ din il-lokalità ngħalaq b’mod temporanju.
Intqal li l-ebda kelma ta’ solidarjetà mal-partitarju li weġġa’ u li kellu jiġi operat jew l-ebda kundanna għal din il-vjolenza ma wasslet minn Grech jew mill-Partit Nazzjonalista.
L-editur tal-gazzetta bl-Ingliż jinnota li dak li jmexxi l-każin Nazzjonalista kellu l-ardir li jgħid lill-Kap Nazzjonalista biex jibqa’ barra, b’dan juri n-nuqqas ta’ awtorità li għandu Bernard Grech fil-Partit tiegħu stess.
Intqal li Grech falla bħala Kap biex iżomm l-għeruq Nazzjonalisti magħqudin miegħu, b’referenza għall-fazzjonijiet li għadhom jiddominaw lill-Partit fl-Oppożizzjoni.
Fil-fatt l-aggressjoni vjolenti fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun uriet il-ġlied intern bejn il-varji fazzjonijiet. Il-MaltaToday innotat ukoll li din il-firda hi legat tal-elezzjoni tal-Kap, fis-sajf ta’ tliet snin ilu.
L-editur qal li t-tmexxija ta’ Grech mhix kariżmatika u mit-telfa elettorali storika tas-sena l-oħra għall-Partit Nazzjonalista, il-pożizzjoni ta’ Grech hi iżjed ikkomplikata, hekk kif bosta partitarji jistennew li jinbidel.
Il-gazzetta qalet li l-istatura tal-Kap Nazzjonalista, li ddeskrivietu bħala “dead man walking”, ukoll intfiet minn Roberta Metsola.
In-nuqqas ta’ tmexxija minn Grech, skont il-MaltaToday, ħareġ ukoll li fi żmien is-sħana estrema tal-aħħar ġimgħat, meta ppropona li jilliberalizza s-settur tal-elettriku, proposta li ġiet ikkritikata minn kulħadd.
Il-gazzetta KullĦadd fl-aħħar xhur kienet ukoll irrapportat kif, skont sorsi interni, it-tmexxija mħawda u dgħajfa ta’ Grech bdiet tiġi enfasizzata fid-Dar Ċentrali stess, tant li ġie mlaqqam bħala “l-Kenwood”, b’referenza għall-mixer tal-kċina.
L-editorjal tal-MaltaToday għalaq billi qal li d-Dar Ċentrali tassew għandha problema ta’ veru.