Is-saħħa fin-nefqa mill-konsumaturi Maltin mistennija tkun fattur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku għal pajjiżna din is-sena u s-sena d-dieħla.
Dan joħroġ minn rapport tal-organizzazzjoni globali Economic Intelligence Unit, li nnotat kif mistennija tissaħħaħ is-saħħa tan-nefqa mill-konsumaturi fi żmien li l-inflazzjoni kompliet timmodera u niżlet fl-inqas livell minn Ottubru ta’ tliet snin ilu.
L-esperti tal-Economic Intelligence Unit innotaw li, f’Mejju, iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku immoderat imqabbla maż-żmien ta’ qabel.
L-esperti qed ibassru li l-medja tar-rata tal-inflazzjoni għal din is-sena se tkun ta’ 2.4%, ferm inqas min-nofs li kienet is-sena l-oħra meta laħqet l-5.6%. Attwalment ċifri uffiċjali juru li din tinsab fil-livell ta’ 2.2%.
Ir-rapport jgħid ukoll li r-rata tat-tkabbir ekonomiku mistennija tkun riveduta ’l fuq u tiżboq it-3.5% għal din is-sena.
L-Economic Intelligence Unit, li ħarġet sensiela ta’ rapporti ekonomiċi fuq Malta f’Lulju, innotat ukoll żieda fil-produzzjoni industrijali għax-xahar ta’ April u tbassir rekord fit-turiżmu għall-2024.
L-esperti qalu li minn defiċit baxx fil-Kaxxa ta’ Malta fl-2023, matul din is-sena u fiż-żmien li ġej, mistenni jiġi rreġistrat saħansitra surplus.