L-impjant Waste to Energy, li bħalissa qiegħed jinbena fil-Magħtab se jkun qed jiġġenera mal-5% tal-elettriku kkunsmat ta’ kuljum f’pajjiżna.
Dan spjegah il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia fejn waqt żjara f’impjant simili fiċ-ċentru ta’ Vjenna ddiskuta l-vantaġġi kollha relatati ma’ din is-sistema ta’ livell għoli ambjentali ta’ trattament tal-iskart.
Il-Ministru għall-Ambjent tal-Awstrija Leonore Gewessler spjegat kif dan l-impjant huwa wieħed mill-aqwa soluzzjonijiet ambjentali għall-kapitali Awstrijaka. Hija spjegat ukoll li l-pubbliku għandu opinjoni tajba ħafna tiegħu u jattira eluf ta’ viżitaturi fis-sena.
Fl-isfond tal-kapitali Awstrijaka, Farrugia spjega li dan l-inċineratur mhux iħalli impatt fuq il-komunitajiet li jgħixu f’din il-belt.
Qal, “Ovvjament ninsabu viċin ħafna fejn in-nies jgħixu u jaħdmu u huwa biswit il-kampus tal-Università ta’ Vjenna. Għalhekk allura aħna qed nitgħallmu għax qed nibnu l-ewwel impjant tagħna biex mill-iskart noħolqu riżorsa u inkomplu nimmodernizzaw il-mod kif niproċessaw l-iskart f’pajjiżna.”
Kompla jispjega kif dan l-impjant se jnaqqas bil-bosta d-dipendenza li għandu pajjiżna fuq il-landfills.
F’dawn l-aħħar xhur Malta kompliet tirreġistra titjib kbir f’dan il-qasam hekk kif ta’ kuljum madwar 37 tunnellata ta’ skart riċiklabbli qed jerġa’ jiddaħħal fl-ekonomija u fejn jidħol ir-riċiklar tal-plastik sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena kien diġà nġabar id-doppju tal-materjal li kien jinġabar f’sena, fis-snin ta’ qabel.