F’mossa li tista’ tiġi interpretata bħala waħda li tisfida d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukreni, l-EBU qalet li lesta tingħaqad mar-Russja permezz tas-satellita u turi l-kanzunetta Russa fil-Eurovision li ġej.
Dan intqal wara li fl-aħħar sigħat l-awtoritajiet Ukreni ħabbru li l-kantanta Russa Julia Samoilova mhux se titħalla tirfes l-art Ukrena minħabba li tlett snin ilu kantat fil-Krimea.
L-EBU, l-organizazzjoni li tissorvelja l-proċess kollu tal-Eurovision qalet li offriet l-idea li l-istazzjon Russu jingħaqad permezz tas-satellita biex tixxandar il-kanzunetta tar-Russja waqt it-tieni semi-finali tal-Eurovision.
“Din tkun l-ewwel darba li qatt saret f’aktar minn sittin sena ta’ storja tal-Eurovision sabiex kull artist jitħalla jipparteċipa”.
Aktar qabel l-EBU qalet li tinsab iddiżapuntanta bid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukreni.
“Filwaqt li nirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż ospitanti, nemmnu li l-ispirtu tal-Eurovision Song Contest għandu jirbaħ”, sostna Jon Ola Sand mill-EBU.
Inċidentalment il-Eurovision ta’ din is-sena jġorr it-tema ta’ ‘Niċċelebraw id-Diversità’.
L-Ukrajna tqis kull min jirfes l-art tal-Krimea mingħajr l-awtorizazzjoni tagħha bħala att illegali.
Dan wara li tlett snin ilu, din l-art ittieħdet minn ħalq l-awtoritajiet Ukreni u għaddiet f’idejn Gvern appoġjat mir-Russja.