Tkompli tikkumplika ruħha s-sitwazzjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja fil-Eurovision li ġej. Wara li l-Ukrajna baqgħet tisħaq li mhux se tħalli l-kantanta Russa tirfes l-art Ukrena biex tipparteċipa fil-Eurovision ta’ Mejju li ġej, kien imiss lid-Direttur Ġenerali tal-EBU li thedded li tissospendi lill-Ukrajna mill-Eurovision.
F’intervista’ li tat lill-gazzetta Ġermaniża, dik li tmexxi l-EBU (l-organizazzjoni li tmexxi ‘l quddiem il-proċess tal-Eurovision), Ingrid Deltenre qalet li kemm il-darba l-awtoritajiet Ukreni ma jdawrux fehmethom, l-Ukrajna tista’ tiġi sospiża mill-kompetizzjoni. “Hija inaċċettabbli li nżeffnu l-Eurovision fi kwistjonijiet politiċi”, qalet Deltenre li mistennija tirriżenja mill-ogħla kariga fl-EBU, fis-sajf li ġej.
L-awtoritajiet Ukreni kienu ħarġu bid-deċiżjoni li l-kantanta Russa fuq siġġu tar-roti Julia Samoylova ma titħalliex tidħol fl-Ukrajna fejn se jsir il-Eurovision. Dan wara li sar magħruf li Samoylova kienet kantat fil-Krimea, art li ttieħed minn ħalq il-qawwiet Ukreni wara l-kriżi politika tal-2014.
L-Ukrajna u r-Russja m’għadhomx ħbieb bħal qabel anki wara l-gwerra żviluppat fl-Lvant tal-Ukrajna, li l-qawwiet Ukreni jgħidu li qed jiġġieldu ma’ ribelli separatisti appoġjati mill-Gvern tal-President Russu Vladimir Putin.