B’reazzjoni għall-aħbar li tellajna aktar qabel fejn allegatament il-kanzunetta rebbieħa tal-Eurovision kisret ir-regoli għax ħarġet qabel id-data stipulata bir-regoli, l-EBU ħarġet dikjarazzjoni ċara fejn sostniet li d-diska tal-Ukrajna ma kisret l-ebda regola.
Għalkemm ir-regoli tal-Eurovision jgħidu b’mod ċar li kanzunetta li tkun se tikkompeti ma tistax toħroġ qabel l-ewwel ta’ Settembru ta’ qabel l-edizzjoni li jkun imiss, l-EBU sostniet li l-interpretazzjoni ta’ verżjoni differenti tal-kanzunetta ‘1944’ f’Mejju tas-sena l-oħra ma poġġiex lill-Ukrajna f’xi vantaġġ partikolari.
Dan għaliex skont l-EBU, l-interpretazzjoni ta’ Jamala saret quddiem ftit mijiet ta’ persuni f’teatru f’Kiev. Jamala kienet kantat parti mill-kanzunetta li nhar is-Sibt li għadda rebħet il-Eurovision quddiem il-President tal-pajjiż Petro Poroshenko u oriġinarjament il-kanzunetta kien jisimha ‘Tagħna hi l-Krimea’.
Din mhix l-ewwel kontroversja li l-kanzunetta tal-Ukrajna daħlet fiha fejn qabel ipparteċipat fil-Eurovision fi Stokkolma kien hemm baraxx ta’ kritika għax skont uħud il-kanzunetta kellha referenzi politiċi.
Bl-aħħar dikjarazzjoni tal-EBU ifisser li l-Ukrajna xorta mistennija tospità l-Eurovision tas-sena d-dieħla.