Il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalet li Bernard Grech huwa idoneu biex jikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fi tmiem l-eżerċizzju ta’ skrutinju li għamlet, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq it-tweġibiet li taha Bernard Grech innifsu.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, intqal li Bernard Grech għadda mill-proċess tad-diliġenza dovuta li kellu quddiemu u b’hekk infetaħ il-perjodu tal-proċess tan-nominazzjoni sabiex Grech jitfa’ n-nomina għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech se jkun l-unika persuna li se jitfa’ n-nomina għall-ogħla kariga fid-Dar Ċentrali wara li għamel minn kollox biex ma jkollux kompetizzjoni.
Fl-aħħar ġimgħat, minn mindu l-poplu reġa’ kkonferma fil-Gvern lill-Partit Laburista bl-akbar maġġoranza fl-istorja ta’ Malta sovrana, Bernard Grech naqas milli jerfa’ r-responsabbiltà għall-aktar riżultat skunċertanti li qatt kiseb il-Partit Nazzjonalista f’elezzjoni ġenerali mill-Indipendenza ’l hawn.
Intant, fl-istqarrija li bagħat il-Partit Nazzjonalista, ma ppubblikax ir-rapport tad-dilipenza dovuta li sar fuq Bernard Grech.
Osservaturi innutaw li, fl-aħħar tellieqa għat-tmun tal-Partit Nazzjonalista bejn Adrian Delia u Bernard Grech fl-2020, ir-rapport tad-diliġenza dovuta kien intbgħat lill-midja sabiex il-kandidati setgħu jiġu skrutinizzati fid-dominju pubbliku.
Għal raġunijiet li ma ġewx iddikjarati, fiċ-ċirkustanzi attwali, il-Partit Nazzjonalista naqas milli jagħmel dan.