L-attakki kimiċi tal-aħħar ġimgħat fuq is-Sirja kienu fost l-aktar ħorox kemm ilha li faqqgħet il-gwerra sa mis-sena elfejn u ħdax.
Dan sostnietu Zena Al Hussein, omm Sirjana ta’ tlett itfal li ħmistax ilu kellha taħrab mis-Sirja flimien ma’ wliedha – Fatima Miraille u Mostafa. Tfal li fl-età ta’ għaxra, sebgħa u sitt snin, qatt ma’ attendew skola.
Mgħejjuna minn Robert – ħu żewġha – qalet kif ma felħitx għal dan l-attakk kiefer.
Żewġha kien ġie arrestat sitt snin ilu mill-Gvern Sirjan. Dan għaliex kien wieħed mir-ribelli tar-raħal Sarakeb li jagħmel parti mill-Belt ta’ Idlib. Raħal li kien attakkat kontinwament.
Kien biss fl-elfejn u erbatax li hi saret taf li r-raġel tagħha miet.
Qaltilna kif ġieli rat tletin persuna jmutu quddiemha fosthom qraba u ħbieb, kif jixdhu filmati li ħadu huma stess.
Kien biss ftit tal-ġranet ilu li ddeċidiet li toħroġ mis-Sirja illegalment. Fil-fatt irrakkontat li għamlu aktar minn tnax-il siegħa mixi fix-xita mis-Sirja għat-Turkija.
Il-mixja kompliet sa Istanbul fejn hemm sabet lil ħu żewġha jistenniehom, sabiex imbagħad raw kif għamlu l-vjaġġ lejn pajjiżna, permezz ta’ vapur.
Robert b’dispjaċir jgħid li ma’ jarax xaqq ta’ tama għas-Sirja u l-pajjiż li hu kiber fih ma’ fadallux futur ħlief li jkompli jitkisser; dan ġaladarba ma’ ntlaħaqx qbil fil-bidu.
Żied jgħid li jemmen illi kieku l-gwerra baqgħet bejn ir-ribelli u l-Gvern seta’ jien hemm xaqq ta’ tama.
L-omm flimkien mat-tlett itfal issa ser jippruvaw isibu futur f’pajjiżna – hekk kif applikaw għall-istat ta’ refuġjati.
Dan bil-għan li l-omm tibda taħdem filwaqt lit-tfal jibdew għall-ewwel darba jattendu l-iskola.
Iżda Fatima – tixtieq li tagħmel xi ħaġa iżjed u apparti l-edukazzjoni tixtieq li tkompli tisfrutta l-potenzjal tat-talent li hi qatt ma’ setgħet tipprattika fis-Sirja, dak tal-kant.