Inkjesta dwar riżultati tal-eżamijiet annwali tal-aħħar sena fis-Sekondarja kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-marki ta’ studenti.
Fi stqarrija ppubblikata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, ġie ppubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.
Fir-rapport intqal li kienet skola waħda li fuqha qam l-ilment, li kienet l-iskola Sekondarja tal-Verdala, fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita.
Il-każ idur fuq madwar għoxrin student li ma attendewx għall-eżamijiet annwali tal-aħħar sena tas-Sekondarja u li minflok ingħatatilhom dik magħrufa bħala projected mark, marka li nħadmet fuq marki t’eżamijiet li poġġew għalihom qabel.
Dan biex ikun xorta jista’ jinħarġilhom iċ-ċertifikat tal-aħħar mis-Sekondarja.
Il-Kap tal-Iskola inkwistjoni, is-Sur Joe Ellul qal li kien informa lill-għalliema bl-iżvilupp tal-projected mark, wara li kienu xi għalliema li ilmentaw li huma ma tawx marka partikolari lill-istudenti.
Il-bord tal-Inkjesta għamel sett ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom li min jieħu projected mark, dik il-marka ma tkunx tgħodd għall-fini ta’ premjazzjoni.
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li hija sodisfatta li r-rapport jgħid ċar li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-marki, kif kien ġie allegat mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT.
Hija qalet li r-rakkomandazzjonijiet għal titjib għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr.