“Il-pożizzjoni tagħna hija soda u inekwivokabbli – l-ebda stat m’għandu jitlef xi wieħed mid-drittijiet eżistenti tiegħu bħala riżultat taż-żieda fil-livell tal-baħar.”
Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli waqt laqgħa Ministerjali tal-Koalizzjoni dwar il-bżonn li tiġi indirizzata ż-żieda fil-livell tal-baħar u t-theddid eżistenzjali tagħha.
Din il-laqgħa saret fil-jum tal-ftuħ tal-COP28, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Dubai.
Il-Ministru Dalli appellat lill-komunità internazzjonali biex tagħraf l-urġenza ta’ din ir-realtà u wegħdet l-impenn u l-appoġġ ta’ Malta għal din il-kawża.
Qalet, “Waħda mill-agħar konsegwenzi tat-tibdil fil-klima huwa meta jogħla l-livell tal-baħar. Aħna bħala stat li huwa gżira nafu kemm konsegwenza bħal din jista’ jkollha riperkussjonijet negattivi. Għalhekk illum, fil-ftuħ tal-COP28 qed inkunu vuċi b’saħħitha għall-gżejjer l-oħra li huma stati żgħar madwar id-dinja. U flimkien ingħaqadna biex naraw li ċertu drittijiet li għandhom l-istati żgħar, li jistgħu jkollhom din it-theddida fuq rashom jibqgħu jżommu. Fosthom jibqgħu rikonoxxuti bħala stat.”
Il-Ministru fakkret li Malta ilha tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tindirizza l-impatt taż-żieda fil-livell tal-baħar fuq Stati gżejjer żgħar sa mill-elf disa’ mija u tmienja u tmenin, meta ppreżentat l-inizjattiva tagħha dwar it-tibdil fil-klima fit-tlieta u erbgħin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Ħamsa u tletin sena wara, qed ikompli jiġi enfasizzat il-messaġġ fuq din it-theddida globali importanti. Din is-sena, bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta enfasizzat ir-rabta bejn il-klima, l-oċeani u s-sigurtà b’avveniment ta’ firma dwar l-impatti taż-żieda fil-livell tal-baħar fuq il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.