B’reazzjoni għal storja, ippubblikata mill-MaltaToday, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, ċaħdet kategorikament li se jsir xi spekulazzjoni fuq art fil-Qajjenza, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, li hi proprjetà tal-kumpanija Enemalta.
Wara li ġew ippubblikati impressjonijiet artistiċi mill-privat dwar xi żvilupp ta’ blokok ta’ appartamenti fiż-żona, il-Ministru Dalli qalet li l-Enemalta qatt ma tat xi approvazzjoni għal dan f’żona, li parti kbira minnha hi proprjetà tagħha.
Għaldaqstant qalet li l-viżwal ippreżentat mhux aċċettabbli u ntalab li jitneħħa minnufih. Il-Ministru saħqet li l-Gvern, bħala shareholder, u l-Enemalta stess qatt ma raw tali disinji.
Kompliet li l-Enemalta żgur mhux interessata li tispekula l-art tagħha, iżda li jinteressaha hu li, fi kwalunkwe ħaġa li tagħmel, tagħti valur miżjud liż-żoni tal-madwar u mhux bil-kontra.