Il-Parlament Ewropew m’għandux is-setgħa legali li jirrikonoxxi jew le l-istatus sovran u diplomatiku tal-gvernijiet, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew meta astjena fuq vot dwar is-sitwazzjoni tal-Veneżwela li jitlob li jirrikonoxxi l-Oppożizzjoni tal-pajjiż bħala l-Gvern leġittimu.
“Dal-Parlament m’għandux ifittex dis-setgħa, minkejja d-dikjarazzjoni vojta u assurda li se jkun l-ewwel istituzzjoni fl-UE li jieħu pożizzjoni definittiva dwar il-Veneżwela. Ma jagħmilx sens li dal-Parlament jesprimi ġudizzji definittivi fuq sitwazzjoni komplessa bħal dik tal-Veneżwela.”
L-MEP Malti qal li r-reġim attwali fil-Veneżwela ġej mill-ewwel gvern demokratiku ta’ Hugo Chavez li introduċa riformi soċjali u ekonomiċi minkejja oppożizzjoni ħarxa tal-forzi tal-lemin biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Il-gvernijiet ta’ Chavez u ta’ Maduro ikkommettew żbalji kbar f’din it-taqbida. Dawn il-gvernijiet saru awtoritarji. Għal ftit implimentaw il-wegħdiet soċjali tagħhom, iżda daħħlu l-ekonomija tas-suq fil-ħajt waqt li kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
“Ma nista’ qatt napprova din l-Amministrazzjoni. Lanqas nista’ nbierek l-Oppożizzjoni li tul is-snin kienet intransiġenti, lesta biex tissabotaġġja l-azzjonijiet ta’ gvern leġittimu. L-istess Oppożizzjoni issa qed tinnegożja mal-President Trump biex jgħinha tieħu t-tmexxija tal-pajjiż.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’439 voti favur, 104 kontra u 88 astenzjoni.