L-evidenza turi li m’hemm l-ebda korelazzjoni bejn l-aċċess għall-Morning After Pill u t-tnaqqis ta’ tqala mhux pjanta. Dan stqarritu l-Women for Life, b’reazzjoni għall-protest ġudizzjarju mressaq mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa kontra l-istat biex f’pajjiżna tidħol il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza, bħall-Morning After Pill.
L-għaqda esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li madwar mitt mara resqu l-protest ġudizzjarju u qalu li qed jagħmlu dan f’isem il-nisa kollha Maltin.
Intqal li jekk għall-mument wieħed iħalli l-argumenti etiċi u morali fil-ġenb, l-istudji juru li l-aċċessbilità għall-Morning After Pill twassal biex l-“iżbalji” jittranġaw faċilment billi wieħed jirrikkorri għal din il-kontraċezzjoni.
L-għaqda argumentat kif f’pajjiżi oħra, fejn l-użu ta’ din il-kontraċezzjoni hija waħda faċli, twassal għal iżjed stupru, u tippermetti lil min ikun wettaq l-abbuż biex jgħatti r-reat tiegħu biha.
Ġie argumentat li minn studji li saru juru li din tista’ toħloq perċezzjoni li l-attività sesswali m’għandha l-ebda rabta ma’ konċipiment ta’ trabija, b’riżultat li din tiġi trattata bħala “aċċident” u li għandha tiġi eliminata.
Fi kliem l-għaqda wieħed ma jistax jinjora l-effetti li tħalli fuq iċ-ċiklu mestrwali tal-mara bil-konsegwenza li jista’ jinbidel u jagħmilha diffiċli biex tiddetermina jekk hix tqila jew le.