Fi stqarrija l-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa nnota rapporti mill-Awstrija dwar is-sospensjoni tal-użu ta’ kunsinja partikolari tal-Astrazeneca, u talbet id-direzzjoni tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini dwar l-użu ta’ dan il-vaċċin.
L-Awtorità tal-Mediċini irrakkomandat li l-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-Astrazeneca jissokta kif pjanat.
Dan fid-dawl li l-Awtorità Ewropea għall-Mediċini saħqet li m’hemm ebda indikazzjoni li l-vaċċin kien il-kawża tal-kumplikazzjonijiet tas-saħħa rrappurtati fl-Awstrija, anke għaliex il-kumplikazzjonijiet tas-saħħa rrappurtati mhumiex imniżżla fil-lista ta’ effetti li jħalli dan il-vaċċin.
Bħala fatt ukoll il-konsenja partikolari li saret referenza għaliha intużat f’pajjiżna numru ta’ ġimgħat ilu.
Filwaqt li m’għadx fadal dożi ta’ din il-kunsinja x’jintużaw f’pajjiżna, l-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qalu li ma rċivew l-ebda rapport ta’ reazzjonijiet mill-persuni li tlaqqmu bid-doża ta’ kunsinja partikolari.
Filwaqt li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib, jisħqu li ma hemmx lok ta’ allarm għall-pazjenti li rċivew il-vaċċin minn kunsinja partikolari.
https://www.one.com.mt/2021/03/11/l-ema-tghid-li-mhemmx-evidenza-li-l-vaccin-tal-astrazeneca-jikkawza-l-ghoqiedi-tad-demm/