F’rapporti fil-midja u f’kummenti fuq il-midja soċjali, qed ikun allegat li biċċier Għawdxi qed joqtol il-klieb u l-qtates li jkunu ma jifilħux biex mil-laħam tagħhom, jagħmel u jbigħ iz-zalzett tal-Malti fil-ħanut tiegħu.
Dawn l-allegazzjonijiet bdew iduru fuq il-midja soċjali madwar ġimagħtejn ilu, iżda status li xxerred fl-aħħar sigħat minn Gerald Fenech fuq Facebook, reġa’ ta spinta lill-każ.
Fost il-kummenti fuq din il-post, kien hemm min kiteb li ddaħħlu xi nies l-isptar b’food poisoning wara li kielu xi zalzett mill-ħanut tal-imsemmi biċċier.
Il-MaltaToday qed tirrapporta li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina kitbet fuq din il-post, u qalet li dawn l-allegazzjonijiet ilhom isiru għal numru ta’ ġimgħat, u appellatlu li jekk għandu xi evidenza biex jipprova dak li qed jallega, għandu jagħmel kuntatt magħha.
Dan għaliex ħadd ma jista’ jieħu azzjoni jew jitlob li tittieħed azzjoni għal dawk li sa issa, jidher li huma biss xnigħat rampanti.
ONE News staqsa lill-Pulizija dwar dan, u f’risposta uffiċjali, ġie kkonfermat li l-Pulizija ma rċeviet l-ebda rapport dwar dan.
Fl-istess tweġiba ntqal li l-Pulizija ma kinitx imsejħa biex tassisti lil xi entità f’xi investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.
F’każi bħal dawn, huwa d-Dipartiment tas-Sanità li jkun mitlub l-ewwel biex jinvestiga.
Rapporti oħra qed jgħidu li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Sorsi viċin ONE News qalu li ntbagħtu xi spetturi fuq il-post, iżda l-allegat ħanut ilu magħluq għal diversi xhur.