L-ebda pittura ma ntmesset mid-dar tat-Tabib Christian Pandolfino iżda ammont ta’ deheb tiegħu ma nstabx. Dan ġie stabbilit hekk kif esperti tal-Qorti għaddejjin bil-proċess li jagħmlu inventarju tal-ġojjelli u l-pitturi tal-koppja.
It-tabib Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski inqatlu b’tiri b’arma tan-nar fid-dar fejn kienu joqogħdu f’Tas-Sliema għall-ħabta tal-10:30 ta’ billejl, it-Tlieta li għadda. Jidher li fid-dar kien hemm pitturi mwaħħla ma’ kull rokna iżda l–ebda waħda minn dawn ma nstabet nieqsa.
Kemm il-pulizija kif ukoll l-esperti tal-Qorti talbu l-għajnuna tal-qraba tal-vittmi biex ikunu jafu aktar dwar ħwejjiġhom, b’mod partikolari l-ġojjelli li kellu t-Tabib Chris Pandolfino.
Madankollu, minn informazzjoni li għandu ONE News jidher li l-qraba mhux dejjem setgħu jgħinu f’din il-parti tal-investigazzjoni, minħabba li mhux kull qarib kien jaf eżatt xi ħwejjeġ seta’ kellu l-vittma f’daru.
Bħala parti mill-inkjesta, il-Maġistrat Ian Farrugia beda wkoll jisma x-xhieda ta’ xi qraba tal-koppja.