Matul dan il-lejl, 52 persuna ġew imħarka mill-pulizija waqt l-ispezzjonijiet li saru. Iżda, b’xorti tajba waqt dawn l-ispezzjonijiet ħadd ma nstab li kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol.
Dawn l-ispezzjonijiet saru f’diversi lokalitajiet madwar Malta, fosthom il-Furjana, Ħ’Attard, tas-Sliema, Burmarrad, San Ġiljan, is-Swieqi, ir-Rabat, iż-Żejtun, il-Fgura, San Ġwann u Ħaż Żabbar.
Dawn it-tnejn u ħamsin ġew imħarrka minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan mingħajr liċenzja valida, sewqan mingħajr polza tal-assigurazzjoni, sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurta, sewqan b’veloċita eċċesiva, dwal mhux skond il-liġi, użu ta’ telefon ċellurali waqt is-sewqan, karozzi bil-ħġieġ tinted, karozzi mingħajr numru tar-reġistrazzjoni u sewwieqa tat-trasport tal-passiġġieri li ma kellhomx il-permessi meħtieġa minn Transport Malta, fost oħrajn.
L-ispezzjonijiet saru mil-membri mis-sezzjoni tat-Traffiku flimkien mal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb.
Intant l-Erbgħa filgħodu, ġew imħarrka 17-il persuna oħra li bdew jiskru r-regolamenti tat-traffiku. Dan minħabba sewqan perikoluż, sewqan mingħajr ċitorin tas-sigurta, sewqam mingħajr liċenzja valida u vetturi bil-ħġieġ tinted. Filwaqt, li żewġ sewwieqa nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol.
Xufier minnhom ipprova jaħrab meta ġie ordnat biex jieqaf imma twaqqaf ftit wara permezz t’azzjoni immedjata mill-Pulizija.