Il-varjant il-ġdid tal-mpox, li qed jinfirex sew fl-Afrika, m’għandux ikun ta’ allarm għalina l-Maltin, iżda tajjeb li wieħed ikun informat sew dwar is-sintomi u l-virus innifsu, biex ikunu jistgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.
Saħqet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, f’intervista ma’ ONE News, l-għada li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, iddikjarat l-imxija tal-mpox bħala Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Tħassib Internazzjonali.
Il-Professur Gauci spjegat kif, minkejja li dan il-varjant qed jinfirex sew fil-kontinent Afrikan, id-dinja kollha hi suxxettibbli għalih minħabba l-ivvjaġġar bejn il-pajjiżi, tant li diġà ġie rrapportat każ fl-Iżvezja ta’ xi ħadd li kien l-Afrika.
S’issa, l-aktar pajjiżi milqutin huma l-Burundi, il-Kamerun, ir-Repubblika Ċentrali Afrikana, il-Kongo, ir-Rwanda u l-Uganda.
Hawnhekk, il-Professur Gauci qalet kif Malta qed tkun viġilanti u tinsab lesta għal kull eventwalità, b’testijiet speċifiċi li jistgħu jsiru fil-laboratorji tal-Isptar Mater Dei.
Sentejn ilu, lejn it-tmiem tal-pandemija tal-COVID-19, il-monkeypox kienet diġà bdiet tissemma fl-aħbarijiet, meta kien hemm tifqigħa kbira tal-virus fl-Afrika, imma anke fl-Ewropa.
Anke f’Malta kien hawn tlieta u tletin każ ikkonfermati, li kollha kienu fi stat ta’ saħħa tajba.
Staqsejna, għalhekk, lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika x’inhi d-differenza bejn dak iż-żmien u llum.
“Il-maġġoranza tal-każijiet kienu nies li kienu trasmessi sesswalment u allura dan kien qed isir minħabba li kien hemm Clade partikolari li kien il-Clade II. Li ġara, li minn Settembru tas-sena l-oħra, fl-Afrika bdew jaraw Clade differenti, li hi l-Clade I, u f’din is-sitwazzjoni, mill-informazzjoni li għandna s’issa, li qed ikollok trasmissjoni sesswali, imma fl-Afrika qed jaraw li qed jittieħdu anke nies li jgħixu fl-istess dar.”
Għaldaqstant, id-differenza issa hi li, filwaqt li, qabel, dan il-virus kien jittieħed biss meta jkun hemm kuntatt sesswali, issa l-varjant il-ġdid jista’ jittieħed ukoll b’kuntatt mill-viċin, li mhux neċessarjament sesswali.
Li jfisser li hu aktar diffiċli li jittieħed minn mard, bħall-COVID, iżda xorta importanti li wieħed ikun mgħarraf sew.
“Biex ikollok trasmissjoni tagħha din, irid ikun hemm very close contant, persuna ma’ xulxin, fejn ikollok skin to skin contact, allura din hi differenti minn trasmissjoni ta’ mard respiratorju ieħor li nafu bih. Imma xorta importanti li nibqgħu viġilanti.”
Fost is-sintomi ta’ dan il-virus qed jikkawża hemm deni, uġigħ ta’ ras, tkexkix ta’ bard u għejja, u każ klassiku jinkludi raxx b’boċċi mimlijin bl-ilma wara tlett ijiem.
Ir-raxx mhux neċessarjament ikun mal-ġisem kollu, għax f’każ li l-infezzjoni tkun inxterdet b’kuntatt sesswali, ir-raxx kapaċi jkun biss mal-partijiet ġenitali.
Għalhekk importanti li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa, għax mhux dejjem ikun jaf li persuna tkun infettata.
“Ħafna mill-każijiet ma jkollhom bżonn l-ebda kura, ikollhom bżonn biss kura, pereżempju, għad-deni, jew inkella għar-raxx, imma mbagħad jista’ jkun hemm każijiet li jista’ jkollhom kumplikazzjonijiet, u f’dak il-każ, aħna ppreparati biex nikkurawhom fl-Isptar tagħna.”
Filwaqt li reġgħet saħqet li mhemm l-ebda lok għall-allarm, speċjalment għax f’Malta u fl-Ewropa s-sistemi tas-saħħa huma ferm aktar ippreparati minn dawk fl-Afrika, il-Professur Gauci qalet li hemm kuntatt kontinwu mat-tobba tal-familja u l-pubbliku biex kulħadd ikun informat dwar dan il-virus.
“Hu importanti li kemm in-nies isiru jafu x’inhuma s-sintomi ħalli ma joqogħdux jinkwetaw għalxejn, u anke t-tobba jkunu jafu x’inhuma s-sintomi u s-sinjali u r-raxx tipiku ta’ dan il-virus, biex ikunu jistgħu jagħrfuh mill-ewwel. Apparti dan, għandna l-ispeċjalisti tal-mard infettiv, speċjalisti fuq sexually transmitted infections u speċjalisti tal-ġilda, allura dawn ikollhom l-għarfien biex ikunu jistgħu jgħinu lit-tobba tal-familja.”