L-Awtorità għal-Logħob ta’ Malta ċaħdet li xi kumpanija tal-gaming heddewha li kienu se jitilqu minn Malta jekk ma kinitx se tieħu azzjoni dwar allegat involviment ta’ mafja Taljan fis-settur.
L-artikli ġew ippubblikati minn Investigative Reporting Project Italy (IRPI) u mxandra wkoll f’The Times of Malta.
Fi stqarrija l-Awtorità qalet li l-artikli fihom bosta naqqusijiet fattwali, imsejsa fuq bosta spekulazzjonijiet u nuqqas ta’ verità dwar l-operat tal-awtorità.
Qalet li l-aritiklu jirreferi għal stejjer irriċiklati li diġà ttieħdet azzjoni ta’ inforzar dwarhom mill-MGA.
L-Awtorità saħqet li l-allegazzjonijiet fl-artiklu huma għalkollox foloz u intiżi biss biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni Maltija.
L-Awtorità ċaħdet ukoll in-nuqqas ta’ koperazzjoni mal-awtoritajiet Taljani. Qalet li mhux normali li l-awtorità tirċievi talbiet għal koperazzjoni mill-awtoritajiet Taljani ħlief mill-awtorità regolatorja fil-qasam Taljan.
Qalet li meta tintalab, l-MGA tikkopera u tipprovdi kull informazzjoni lil din l-awtorità jew meta tħoss li tali informazzjoni fil-pussess tagħha għandha tingħata lill-awtoritajiet rispettivi.
Saħqet li l-prevenzjoni ta’ attività kriminali fis-settur hija ta’ importanza kbira għall-awtorità u assigurat li għandha sistemi li permezz tagħhom tista’ tagħrbel sew lil dawk il-kumpaniji li japplikaw biex joperaw minn Malta. Fil-fatt qalet li bosta applikanti ġew irrifjutati milli jingħataw liċenzja għax ma laħqux il-livelli mixtieqa.
L-MGA irrimarka li għal raġunijiet li m’huma ċari xejn, il-Proġett Taljan għal Rapportaġġ Investigattiv naqsu milli jippubblikaw it-tweġibiet tal-awtorità.